“8 ġimgħat ta’ stennija għat-test tal-prattika tal-karozza” – sorsi

Read in English.

Persuni li applikaw ma’ Transport Malta sabiex jagħmlu t-test prattiku tas-sewqan tal-karozza qed jispiċċaw idumu jistennew mat-tmien ġimgħat sabiex jakkwistaw data u ħin.

Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li dan wassal għal diżgwid bejn il-Malta Driving Intructors Associations (MDIA) u Transport Malta dwar il-ħruġ tal-warrants u l-ftehim ta’ dati għat-testijiet prattiċi.

Hu mifhum li minkejja li Transport Malta qed toħroġ il-warrants għal persuni biex jibdew jitgħallmu l-karozza, dawk li qed japplikaw għat-testijiet iridu jistennew ġimgħat sħaħ u b’hekk qed jiġi kkawżat ħafna stress fuq l-għalliema li qed jitħallew b’numru eċċessiv ta’ applikanti.

Skont sorsi, Transport Malta riċentament impjegat sitt persuni oħra bħala eżaminaturi għat-testijiet tal-prattika.

Newsbook.com.mt tkellem mal-MDIA għal aktar informazzjoni dwar din is-sitwazzjoni. L-assoċjazzjoni rrispondiet tgħid li bħalissa għadhom għaddejjin il-laqgħat mat-Transport Malta u li f’dan iż-żmien ma tistax tingħata iktar informazzjoni. L-assoċjazzjoni żiedet tgħid li se jkollha laqgħa oħra ma’ Transport Malta fil-bidu tax-xahar biex tara l-progress tagħha.

Intant, Transport Malta baqgħet qatt ma wieġbet għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt minkejja konferma li dawn waslu għand l-entità.