8 għaqdiet jitneħħew mir-reġistru tal-NGOs

hands in
Photo by: Unsplash

Read in English.

Tmien għaqdiet tneħħew mir-reġistru tal-Għaqdiet mhux Governattivi (NGOs) hekk kif għal diversi drabi naqsu milli jirregolaw il-pożizzjoni tagħhom.

L-avviż ġie ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern il-Ġimgħa fejn il-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji Anthony Abela Medici fejn fl-14 ta’ Awwissu ħareġ Ordni ta’ Kanċellazzjoni li permezz tagħha kkanċella dawn it-tmien għaqdiet li naqsu milli jirregolaw il-pożizzjoni tagħhom mal-Uffiċċju tal-Għaqdiet Volontarji.

It-tmien għaqdiet huma:

  • Life Resources Foundation (VO/0244),
  • Malta Human Rights Commission (NGO) (VO/0430),
  • European Foundation for Freedom (VO/0469),
  • Malta International Crisis Centre (VO/0526),
  • Association of the Dynastic Orders of the Royal Imperial House of Obrenovitch (VO/0731),
  • Selmun Residents Association (VO/1281),
  • Foundation Live Today (VO/1414)
  • Women’s International Shipping and Trading Association Malta (WISTA MALTA) (VO/1067).

Skont l-Att dwar l-għaqdiet volontarji, il-Kummissarju jista’ jissosspendi jew jikkanċella s-sħubija tal-għaqdiet volontarji skont artiklu 13 (5).

L-avviż jgħid ukoll li kull min għandu ċ-Ċertifikat ta’ Iskrizzjoni tal-organizzazzjonijiet li ġew ikkanċellati biex iroddu lura minnufih. Il-membri għandhom sal-aħħar tax-xahar biex iroddu lura ċ-Ċertifikat u jekk ma jagħmlux dan ikunu ħatja ta’ reat li min jinstab ħati tiegħu jeħel multa ta’ €232.94 u multa ta’ €11.65 għal kull ġurnata li jonqos milli jagħmel dan.