Ritratti: 8 arrestati f’rejd kontra d-droga

CMRU

Tmien persuni ġew arrestati waqt rejd mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga f’Bormla.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li l-arresti saru lbieraħ wara diversi ġimgħat ta’ osservazzjoni. Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, tal-Ispecial Intervention Unit, u mis-sezzjoni tal-Klieb kienu parti minn din il-ħidma. Ir-rejd sar ilbieraħ filgħodu f’diversi residenzi fi Triq Santu Rokku u fil-pjazza ta’ Bormla.

Il-persuni arrestati għandhom bejn 17 u 43 sena. Hemm sitt irġiel u żewġ nisa. Huma joqgħodu f’Bormla, Ħal Qormi, u fix-Xagħajra. Il-Pulizija sabet madwar 115-il qartas bis-sustanza allegatament kokaina, crack, u eroina lesta biex tiġi traffikata. Kien hemm ukoll mwieżen elettroniċi u oġġetti oħra li jintużaw fl-abbuż u l-bejgħ tal-istess sustanza. Instabu wkoll madwar €20,000 fi flus kontanti. Il-persuni arrestati ġew meħudha fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija biex jassistu fl-investigazzjonijiet.