8.1% tal-Ewropej ibatu mid-dijabete

Kull żewġ minuti jmut ċittadin Ewropew minħabba mard relatat mad-dijabete.
Dan jirriżulta minn studju li sar mill-European Diabetes Leadership Forum (ECIPE), li hija għaqda li taħdem biex jikber l-għarfien dwar id-dijabete madwar l-Ewropa.
50% tal-persuni li jkollhom id-dijabete jmutu minħabba problemi tal-qalb u dan qed iwassal biex id-dijabete hija r-raba’ l-akbar kaġun ta’ imwiet madwar l-Ewropa.
Għaldaqstant il-European Centre for International Political Economy, li huwa think-tank Ewropew, qed isostni li l-Gvernijiet Ewropej mhux qed jieħdu miżuri effettivi biex jegħlbu din il-problema u tiġi miġġielda l-obeżità.
F’dokument għall-2013, l-ECIPE qed issostni li trid tingħata attenzjoni speċjali lid-dijabete, li hija meqjusa bħala marda kronika marbuta mal-problemi fil-qalb u kaġun ta’ strokes.
Madwar 9.3% tal-baġit tal-Unjoni Ewropea qed jintuża għall-kura tad-dijabete.
Il-konklużjonijiet tar-rapport jindikaw li fadal ħafna xi jsir għalkemm jelenka miżuri li diġa’ daħlu fis-seħħ f’bosta pajjiżi membri.
Dawn jinkludu edukazzjoni dwar l-ikel bnin, sessjonijiet b’attività fiżika mill-iskola u l-introduzzjoni ta’ taxxi addizzjonali fuq ikel li għandu livell għoli ta’ xaħmijiet u żjut.
L-ECIPE qed issostni li jekk mhux se jittieħdu miżuri ġodda fis-sistema tas-saħħa madwar l-Ewropa, il-Gvernjiet tal-pajjiżi membri se jesperjenza żieda u pressjoni qawwija fl-ispiża għas-saħħa minħabba mard relatati mal-obeżità.