79 punt għas-saħħa f’Malta minn stħarriġ internazzjonali

Malta kisbet id-disa’ post fl-indiċi annwali relatat mas-saħħa li ġie ppubblikat fil-ġurnat The Lancet. Is-settur tas-saħħa f’Malta kiseb 79 marka biex b’hekk kiseb pożizzjoni fost l-aqwa setturi tas-saħħa. Bl-istess marki kien hemm fosthom l-Isvizzera u l-Finlandja, filwaqt li Singapor kiseb l-ewwel post b’85 punt. Il-Belġju u l-Ġermanji kienu fost il-pajjiżi li ġabu inqas marki minn Malta.

Malta kisbet il-punti massimi f’għaxar oqsma li ġew studjati fis-settur tas-saħħa. Fost l-oqsma li kisbu l-punti massimi kien hemm l-imwiet kaġun ta’ xi diżastri, inċidenti tal-Malarja, l-iġene u l-inċidenti fit-toroq.

Kien hemm aktar minn 18-il qasam li fih inkisbu 80punt jew aktar. Fost dawn kien hemm l-imwiet taħt il-5 snin, inċidenti ta’ Tuberkolosi, Hepititis B, imwiet kaġun ta’ suwiċidji, omiċidji u vjolenza fiżika. Min-naħa l-oħra l-inqas marki kienu mogħtija għall-każijiet ta’ piż żejjed fit-tfal, inċidenti ta’ HIV, l-użu  tal-alkaħol, il-prevalenza tat-tipjip u l-abbuż sesswali fuq it-tfal.

L-Istudju Globali tat-Toqol tal-Mard 2017, ikkoordinat mill-Istitut għall-Metriċi u l-Evalwazzjoni tas-Saħħa,  ippubblika sommarju tal-prestazzjoni li kisbu 195 pajjiż  fis-settur tas-saħħa. Skont stqarrija maħruġa mill-Ministeru tas-Saħħa f’Malta, dan juri li Malta miexja fid-direzzjoni t-tajba biex tilħaq il-miri relatati mas-saħħa. Il-Ministru Chris Fearne qal li dan hu r-riżultat ta’ sena ħidma fid-direzzjoni t-tajba.

Tista’ taqra r-rapport kollu hawn.