Filmat: 79 persuna jinżlu fi Sqallija wara li sabu l-bibien Maltin magħluqa

Read in English.

Disa’ u sebgħin immigrant tniżżlu fi Sqallija wara li Malta baqgħet ma tatx il-permess biex dawn jiddaħħlu fil-portijiet tagħha.

Dr Ann Fenech tkellmet dwar l-aħħar żviluppi b’rabta mal-MV Marina li kellu fuqu 79 immigrant. Dawn tniżżlu f’Porto Empedocle filwaqt li l-vapur kompla jbaħħar lejn il-Port Ħieles ta’ Malta skont il-pjan oriġinali tiegħu.

Dr Fenech kienet qed tiġi intervistat fuq 103 Malta’s Heart minn Fr Joe Borg. Il-Ħadd li għadda l-awtoritajiet Maltin ordnaw lill-MV Marina biex issalva għadd ta’ immigrant li kienu f’periklu. L-avukat qalet li kien hemm komunikazzjoni bejn Malta u l-Italja dwar il-każ.

Fenech qalet li għal xi jiem kien hemm bħal qisu staġnar politiku bejn Malta u l-Italja. Pajjiż kien qed jgħid lill-ieħor biex jilqa’ l-immigranti hu. Illum l-awtoritajiet Taljani ħarġu l-permess biex l-immigranti jitniżżlu f’Porto Empedocle.

Il-maġġoranza tal-immigranti kienu mill-Bangladesh. Is-sitwazzjoni fuq il-vapur kienet qed tiggrava ma’ kull ġurnata li tgħaddi. Dawk li kienu abbord kienu f’sitwazzjoni vulnerabbli u kienu qed jibżgħu. L-ikel u l-ilma abbord ma kienx qed iservi. Kien ukoll diffiċli għall-ekwipaġġ ta’ 13-il persuna biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni.

Fenech kienet qed tirrappreżenta lis-sidien tal-MV Marina bħala avukata. Hi wkoll esperta tal-liġi marittima u spjegat ukoll l-aspetti differenti tal-liġi internazzjonali li tapplika f’sitwazzjonijiet bħal dawn.

“Din is-saga kkonfermat u xeħtet id-dawl fuq l-isfidi ta’ bastimenti kummerċjali marittimi f’sitwazzjonijiet bħal dawn fejn josservaw il-liġi internazzjonali u jsalvaw il-ħajjiet fil-baħar,” qalet Dr Fenech.