79 minn 200 saqu b’mod eċċessiv tul Triq il-Kosta

Matul in-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu, membri tal-Korp tal-Pulizija mit-taqsima tat-traffiku wettqu ħidma kontra s-sewqan eċċessiv tul Triq il-Kosta, f’Baħar iċ-Ċagħaq.

Madwar 10 Pulizija fuq il-muturi kienu qed iwaqqfu vetturi li jkunu susspettati li saqu b’veloċità eċċessiva. Fi stqarrija fuq Facebook, il-Pulizija qalu li minn 200 karozza li ġew iċċekkjati 78 minnhom kienu qabżu l-limitu tal-veloċità permessibbli fiż-żona. Dan ifisser li kważi 40% tal-karozzi saqu b’mod eċċessiv. Vettura minnhom instabet li kienet qed issuq b’veloċità ta’ 121 kilometru fis-siegħa f’żona fejn il-massimu huwa ta’ 70 kilometru fis-siegħa.

Qalu li żewġ karozzi kellhom passiġġieri li ma kienux lebsin seatbelt jew apparat biex iżommu lit-tfal siguri peress li waħda minn dawn il-karozzi kellha fiha tifel jew tifla taħt it-3 snin. Żewġ karozzi oħra kienu qiegħdin isuqu mingħajr pjanċa ta’ reġistrazzjoni ta’ quddiem.

Din l-inizjattiva ttellgħet fl-okkażjoni tal-ġimgħa Ewropea kontra s-sewqan eċċessiv immirata biex iżżid is-sigurtà fit-toroq.