​78 talba milqugħa f’sentejn u nofs għal kumpens wara ħsarat fil-vetturi

Bejn Jannar 2012 u Ġunju ta’ din is-sena, Transport Malta laqgħet 78 talba minn 260 li tressqu għal kumpens minn sidien li sofrew ħsarat fil-vetturi tagħhom minħabba ħsarat mit-toroq Maltin.
75 talba tressqu matul is-sena li għaddiet, li minnhom Transport Malta laqgħet 20 bi 12-il talba għadhom pendenti. Din is-sena s'issa, Transport Malta rċeviet 44 talba għal kumpens li minnhom diġà laqgħet tmien talbiet filwaqt li hemm 22 talba pendenti. 
Il-Ministru tal-Infrastruttura Joe Mizzi qal dan fil-Parlament fi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Ċensu Galea.
L-iktar sena li fiha tressqu talbiet għal kumpens simili, fl-aħħar sentejn u nofs, kienet l-2012 meta b'kollox Transport Malta rċeviet 141 talba għal kumpens li minnhom laqgħet biss 50. 
Minn fost it-total ta' 260 talba li tressqu fl-aħħar sentejn u nofs, 116-il talba ġew miċħuda minn Transport Malta filwaqt li 9 talbiet ingħataw kumpens minn partijiet terzi. Kien hemm ukoll, s’issa, ħames każijiet li spiċċaw il-Qorti filwaqt li hemm 52 każ pendenti.