78 miljun persuna f’37 pajjiż għandhom bżonn għajnuna umanitarja

In-Nazzjonijiet Magħquda teħtieġ €16-il biljun sabiex tipprovdi għajnuna umanitarja lil 78.9 miljun persuna f’37 pajjiż.
It-talba għall-għajnuna umanitarja żdiedet b’ħames darbiet meta mqabbel mal-2004.
55% tal-fondi qed imorru f’assistenza f’erba’ kriżijiet fir-Repubblika Ċentrali tal-Afrika, l-Iraq, is-Sud Sudan u s-Sirja.
Dan jirriżulta minn rapport tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar il-ħidma umanitarja.
Mir-rapport jirriżulta wkoll li l-kriżi fil-Libja qed tikber, speċjalment meta mqabbel mas-sena li għaddiet.
Kważi tliet miljun persuna fil-Libja ġew affetwati mill-preżenza ta’ gruppi armati mhux Governattivi u dan qed iwassal biex mal-400,000 persuna jeħtieġu l-għajnuna fosthom ikel u xorb.
L-akbar numru ta’ persuni li kellhom jitilqu djarhom minħabba l-ġlied huma s-Sirjani u l-Iraqqini.
Fl-2014, kien aktar minn 33 miljun, il-persuni li kellhom jitilqu minn pajjiżhom.
Dawn qed idumu medja ta’ 17-il sena biex ikunu jistgħu jmorru lura fi djarhom.
Ir-rapport jikkonkludi li mal-100 miljun persuna qed jiġu affetwati minn diżastri naturali kull sena.
Dawn id-diżastri qed jikkaġunaw mal-€88 biljun fi problemi ekonomiċi.