78 immigrant salvati minn bastiment tal-merkanzija

Read in English.

Ilbieraħ, ġew salvati total ta’ 78 persuna mill-bastiment tal-merkanzija Marina wara li dawn sabu ruħhom f’diffikultà. Dalgħodu, l-NGO Alarm Phone spjegat li l-bastiment mhux qed jimxi lejn port sigur. Insistiet li hemm bżonn l-iżbark immedjat ta’ dawn il-persuni għax “diġà sofrew biżżejjed”. “Malta u l-Italja għandhom jieqfu jilgħabu dan il-logħob ċiniku,” insistiet l-NGO.

Kelliem għall-Gvern qal ma’ Newsbook.com.mt li bejn 78 u 90 immigrant ġew salvati mill-bastiment Marina wara ħidma kkordinata mill-Forzi Armati ta’ Malta u l-Italja. Hu spjega li l-Marina bħalissa jinsab qrib Lampedusa, jistenna għal aktar struzzjonijiet.

Aktar kmieni, Newsbook.com.mt għamel kuntatt dirett mal-Forzi Armati ta’ Malta li qalu li ma kellhomx informazzjoni x’jgħaddu dwar salvataġġ ta’ immigranti.

Intant, Neville Gafà tella’ post fuq Facebook fejn ippubblika wkoll ritratti li sostna huma l-istess grupp ta’ immigranti salvati lbieraħ. Hu qal li numru kbir minn dawn l-immigranti huma mill-Bangladesh. Qal li fil-jiem li għaddew kien hemm “koordinazzjoni sħiħa għaddejja sabiex il-ħarba ta’ dan il-grupp mill-Libja tkun suċċess. Għal din l-operazzjoni intużaw siti soċjali, ewlieni fosthom il-facebook, li permezz tiegħu dawn l-immigranti setgħu jassiguraw post fuq id-dgħajsa.”

“M’hemmx ħsieb li t-78 immigrant jittellgħu fuq Captain Morgan” – sorsi

Sorsi ta’ Newsbook.com.mt ikkonfermaw li m’hemm l-ebda ħsieb li l-immigranti salvati lbieraħ mill-bastiment tal-merkanzija Marina jittellgħu fuq il-vapur Europa II tal-Captain Morgan.

Bħalissa, 57 immigrant li ġew lokalizzati fiż-żona ta’ tiftix u slavataġġ Maltija bejn it-Tlieta u l-Erbgħa qed jinżammu fuq il-vapur Europa II, waqaf 13 ‘il mil nawtiku ‘l barra mill-kosta Maltija. Kelliem għall-Gvern kien qal li dawn se jingħataw l-ikel, ix-xorb u l-kura li hemm bżonn waqt li jinżammu fuq dan il-vapur. Qal ukoll li l-immigranti huma kollha rġiel u jinsabu fi stat ta’ saħħa tajba.

Nhar il-Ħamis li għadda, Newsbook.com.mt kien ippubblika ritratti u filmati tal-vapur Europa II jimtela’ bil-proviżjonijiet u s-saqqijiet li kienu jindikaw ħidma ta’ salvataġġ ta’ immigranti.