78 immigrant jinsabu fiż-żona ta’ Malta – Alarmphone

Aġġornat 08:38 AM

Read in English.

Grupp ta’ 78 immigrant intlemħu fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ Maltija mill-Forzi Armati ta’ Malta. Dan qalitu l-għaqda Alarmphone fuq Twitter fejn qalet li l-Forzi Armati kkonfermaw li raw lid-dgħajsa u bagħtu bastiment li kien fil-viċin biex isalvahom. Ma’ Alarmphone, il-persuni abbord qalu li ilhom tliet ijiem fuq id-dgħajsa u l-mutur ma jaħdimx. Il-persuni abbord huma ġejjin mil-Libja u fosthom hemm żewġ nisa u erbat itfal.

Ma’ Newsbook.com.mt, kelliema għall-Forzi Armati ta’ Malta qalet li ma għandhom l-ebda dettalji u għaldaqstant idderiġiet il-mistoqsijiet lill-kelliema tal-Gvern. Mistoqsijiet li ntbagħtu lill-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern baqgħu mhux imwieġba sal-ħin tal-pubblikazzjoni.

Fi tweets aktar riċenti, Alarmphone qalet li s-suldati Maltin qed isegwu lid-dgħajsa mill-ogħli iżda ma jikkunsidrawhiex f’periklu.

Aktar kmieni, Alarmphone, li hija l-għaqda li taħdem biex issalva l-ħajjiet ta’ dawk li jkunu f’diffikultà fil-Mediterran, qalet li peress li l-vapur tal-merkanzija Leo I kien fil-viċinanza. Jidher li l-Armata kkonfermat ma’ Alarmphone li bagħtet lil dan il-vapur biex isalvahom iżda dan ma lemaħ l-ebda dgħajsa bl-immigranti.

Sa issa, l-Gvern Malti ħareġ tliet vapuri tal-Captain Morgan biex fuqhom jospita lill-immigranti li jkunu ġew salvati. L-immigranti tfal, ommijiet u nisa tqal qed jiddaħħlu f’Malta filwaqt li l-irġiel qed jinżammu abbord dawn il-vapuri.

Miċħuda l-istorja li 400 daħlu fi Sqallija f’ġurnata waħda

Illejla ġiet miċħuda l-istorja fil-midja Talajna li fi Sqallija daħlu 400 immigrant. Ġiet ikkonfermata biss l-aħbar li 50 persuna daħlu waħedhom fil-port ta’ Montechiaro f’Agrigento. Kemm il-Carabinieri kif ukoll il-Guardia di Finanza ċaħdu din l-aħbar.

Aġenziji tal-aħbarijiet Taljani kienu qalu li l-bastiment li kellu fuqu l-400 immigrant ħallihom jaslu Sqallija permezz ta’ dgħajjes żgħar.

Is-Sindku Stefano Castellino xtara maskri, ilma u te għall-immigranti li kienu għadhom kemm waslu.

Intant, grupp ieħor ta’ 52 persuna daħal Linsona. Il-Guardia tal-kosta Taljana bħalissa għaddejjin bit-tfittxijiet għall-bastiment li kienu fuqu li allegatament ħalla lill-immigranti jaslu fl-Italja.