77 student tal-ITS li kienu qed jistudjaw barra jiġu lura Malta

Matul l-aħħar ġimgħat, 77 student tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) inġiebu lura Malta wara li kienu qed jistudjaw barra mill-pajjiż.

Fi stqarrija, l-ITS spjega li fl-aħħar ġimgħat kien f’kuntatt mal-istudenti u għamel l-arranġamenti neċessarji biex dawn kollha jirritornaw lejn Malta minħabba l-pandemija tal-COVID-19. L-istitut qal li dawn kollha kienu qed jagħmlu l-apprentistat tagħhom, iżda dan mhux se jaffettwa t-tlestija b’suċċess tal-programm tal-istudju tagħhom.

Fejn kienu l-istudenti?

Sitt studenti kienu qed jistudjaw fl-Institut Paul Bocuse fi Lyon fi Franza. Dan bħala parti mill-programm ta’ Grad ta’ Baċellerat fl-Arti Kulinarja. Huma rritornaw Malta u se jkomplu jitgħallmu b’metodi differenti, permezz ta’ arranġamenti attaposta.

Intant, l-istudenti li qed jaqraw għal Baċellerat fil-Ġestjoni Internazzjonali tal-Ospitalità, li jammontaw għal 19-il student, u li bħalissa kienu qed jistudjaw fl-Università tax-Xjenza Applikata Haaga-Helia f’Helsinki, il-Finlandja inġiebu lura fejn se jibqgħu jsegwu l-konferenzi tagħhom onlajn permezz ta’ pjattaforma ddedikata mal-istess Università.

L-ITS spjega li l-istudenti li kellhom 12-il xahar ta’ apprentistat internazzjonali f’diversi pajjiżi wkoll irritornaw lura Malta. Dawn jinkludu 3 studenti li kienu fir-Repubblika Ċeka, 14 fir-Renju Unit, 1 fl-Ungerija, 3 fl-Irlanda, 1 f’Jersey (Channel Island), 13 fl-Iskozja u 17 f’Wales.

Għaliex kienu qed jistudjaw barra minn Malta?

L-istitut spjega li bħala parti mill-programm ta’ studji tagħhom, studenti tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi jgħaddu minn apprentistat internazzjonali. Qal li hemm ukoll studenti li jsiefru għal semestru ta’ studju ma’ Istituzzjonijiet u Universitajiet kollaborattivi. Għalhekk l-Istitut kellu diversi studenti f’pajjiżi madwar l-Ewropa.

Il-Kap Eżekuttiv tal-ITS, is-Sur Pierre Fenech iddikjara li apparti li jassigura li l-istudenti li joqogħdu Malta jkollhom tfixkil minimu fit-tagħlim tagħhom, billi jkomplu bil-lectures onlajn, fl-istess ħin l-Istitut ħadem ukoll biex jissalvagwardja l-istudenti l-oħra kollha li kienu barra mill-pajjiż.

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli faħħret lill-ITS talli żammet l-operat tagħha effiċjenti wara li l-korsijiet saru disponibbli onlajn fid-dawl ta’ Covid19.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn