77 immigrant għal Malta u 400 oħra għall-Italja

Monique Agius

Read in English.

Il-Gvern Malti ħabbar li minn ħin għall-ieħor se jkunu qed jiddaħħlu Malta 77 immigrant li jinsabu abbord il-bastiment Alan Kurdi. Intant, l-Italja se tkun qed toffri port ta’ sigurtà għal aktar minn 400 immigrant abbord il-bastiment Ocean Viking.

Fi stqarrija ġie spjegat li ntlaħaq ftehim dwar kif iż-żewġ bastimenti tal-NGOs li kienu fil-baħar Mediterran jinterċettaw dgħajjes bl-immigranti fuqhom li kienu fil-periklu li jgħerqu.

Malta u l-Italja, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, waslu għal soluzzjoni. Dan filwaqt li numru ta’ pajjiżi oħrajn wiegħdu li se jikkoperaw u jieħdu għandhom uħud minn dawn l-immigranti.

L-400 immigrant li se jiddaħħlu l-Italja se jitqassmu f’diversi pajjiżi Ewropej li diġà qablu dwar ir-rilokazzjoni. Intant, Malta se tkun qed iżżomm 50 immigrant mis-77 li se jiddaħħlu mill-Forzi Armati ta’ Malta. Il-bqija, jiġifieri 27 immigrant, se jitqassmu f’pajjiżi oħra.

Il-Gvern Malti nnota li Malta qed terġa’ tara li taqdi dmirha biex tkun parti mis-soluzzjoni u tipprattika solidarjetà Ewropea. Minkejja dan spjega li faċilitajiet tal-immigranti fil-pajjiż jinsabu taħt stress qawwi. Kompla billi insista li s-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni qed toħloq problem kbar, partikolarment għal Malta li tinsab fil-fruntiera. Qal li għalhekk, il-pajjiżi Ewropej l-oħrajn għandhom iżidu fl-għajnuna li jagħtu f’każijiet ta’ salvataġġ tal-immigranti.