75% tan-negozji jippreferu l-ħin tas-sajf

75% tan-negozji fi ħdan il-Kamra tal-Kummerċ jippreferu l-ħin tas-sajf minn dak tax-xitwa. Dan ħareġ minn servej li sar il-ġimgħa li għaddiet mill-istess Kamra bħala parti minn proċess ta’ konsultazzjoni pubblika li qed issir madwar l-Unjoni Ewropea kollha dwar is-suġġett.

Fi stqarrija mill-Kamra tal-Kummerċ intqal kif in-negozji li jippreferu li l-ħin tas-sajf jibqa’ għas-sena kollha sostnew li jekk il-ġurnata tkun itwal, il-ħaddiema jkunu aktar motivati biex jaħdmu u għaldaqstant ikun hemm aktar kummerċ speċjalment fejn jidħlu ħwienet tal-ħwejjeġ, fl-industrija tal-ospitalità u r-restoranti.

Fost ir-risposti spjegaw li ġranet itwal ifisser li l-ħaddiema jgawdu aktar id-dawl tax-xemx war ali jspiċċaw mix-xogħol u għalhekk jippermetti għal bilanċ aktar f’saħħtu bejn il-ħajja barra mix-xogħol u x-xogħol inniffsu.

Intant ilbieraħ ħareġ li filwaqt li r-riżultat ta’ konsultazzjoni onlajn kienet favur li jinżamm il-ħin tas-sajf matul is-sena kollha, l-imsieħba soċjali kienu pjuttost kawti dwar din il-proposta skont il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej. Fi stqarrija l-Ministeru qal li aktar minn 2,000 persuna ssottomettew il-fehma tagħhom permezz tal-pjattaforma onlajn matul l-aħħar ġimgħa dwar il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea.

Skont il-Ministeru, l-imsieħba soċjali esprimew tħassib dwar il-potenzjal ta’ nuqqas ta’ armonizzazzjoni fl-Unjoni Ewropea li tista’ tikkawża tfixkil serju lis-suq ewlieni, bis-servizzi finanzjarji, is-settur tal-avjazzjoni, u dak marittimu elenkati bħala industriji ewlenin li jistgħu jbatu mid-differenza fil-ħin bejn il-membri stati.