75 persuna salvati minn razzett tat-tonn

Read in English.

Il-Forzi Armati ta’ Malta salvaw grupp ta’ immigranti li kienu bejn sema u ilma. Huma ġew salvati lbieraħ waqt ħidma konġunta li kienet qed issir mal-Gwardji tal-Kosta Taljana.

Il-grupp ta’ 75 immigrant instabu jistrieħu f’wieħed mill-irziezet tat-tonn u ġew salvati permezz tal-P22, waħda mill-Patrol Boats tal-Armata. Huma ddaħħlu f’Malta għall-ħabta tat-8am.

L-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati f’Malta qal li rappreżentanti tiegħu ltaqgħu u tkellmu mal-immigranti mal-wasla tagħhom. Qalu li l-immigranti dehru għajjenin, bil-ġuħ iżda kuntenti li waslu fuq l-art wara tliet ijiem fuq il-baħar.

Jidher li aktar tard ilbieraħ filgħaxija kien hemm għadd ta’ immigranti oħra li ddaħħlu f’Lampedusa.