75 immigrant f’periklu fl-ibħra Maltin – Alarm Phone

Read in English.

75 immigrant kienu qegħdin f’periklu fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ Maltija.

Dan qalitu l-għaqda Alarm Phone fuq Twitter għall-ħabta tad-9.30pm ilbieraħ.

Il-75 persuna f’periklu fuq dgħajsa tal-injam għamlu kuntatt ma’ Alarm Phone, u infurmawha li ħarbu mil-Libja u kienu qegħdin fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ Maltija.

Alarm Phone talbet lill-awtoritajiet Maltin biex isalvaw lil dawn l-immigranti, u temmet it-tweet tagħha bil-frażi “Black lives matter,” frażi li qed tintuża ħafna f’dawn l-aħħar jiem wara li fl-Istati Uniti, raġel iswed jismu George Floyd miet wara li l-pulizija bdew iżommuh b’forza, bi rkoppet uffiċjal minnhom fuq għonq Floyd.

L-aħħar grupp ta’ immigranti li kienu qrib Malta waslu minn jeddhom Lampedusa. Jum qabel, il-Gvern ħabbar li salva 77 immigrant ieħor u ħareġ bastiment ieħor għalihom, mikri mingħand il-kumpanija Captain Morgan. B’hekk Malta bħalissa qed tospita lill-immigranti fuq erba’ vapuri differenti, li qegħdin jinżammu 13-il mil nawtiku ‘l barra mix-xtut Maltin, minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tal-bieraħ, il-Prim Ministru Robert Abela ġie mistoqsi jekk l-immigranti abbord il-vapuri tal-Captain Morgan humiex se jiddaħħlu Malta ladarba qed jitneħħew kważi l-miżuri restrittivi kollha tal-coronavirus. Huwa wieġeb li jinsab fiduċjuż li tinstab soluzzjoni aħjar, possibbilment mal-Unjoni Ewropea.