74% tal-investituri jemmnu li Malta attraenti għall-investiment – EY

Il-kumpanija EY għamlet stħarriġ dwar kemm Malta hi popolari għall-investiment din is-sena, bl-istudju jsir fost 150 kumpanija b’fatturat totali ta’ aktar minn € 2.5 biljun. B’mod ġenerali, 74% tal-investituri qalu li jemmnu li Malta hija destinazzjoni attraenti għall-Investiment Dirett Barrani (IBD). Huwa interessanti madankollu li 48% biss qalu li jemmnu li Malta xorta tkun attraenti sa tliet snin oħra.

Skont l-istħarriġ, jidher li l-attrazzjoni ta’ Malta kienet prinċipalment ikkawżata minn konsiderazzjonijiet ta’ tassazzjoni korporattiva, l-istabilità tal-klima soċjali ta’ Malta u l-potenzjal għal żieda fil-produttività għal kumpanija tagħhom. Waħda mill-ikbar sfidi ffaċċjati mill-investituri f’Malta kienet l-abbiltà li jsibu nies li jikkwalifikaw biex jaħdmu xogħol tas-sengħa. Kienu propju 64% tar-rispondenti li qalu li kienu qed isibuha diffiċli biex jirreklutaw il-persuni meħtieġa.

Skont il-Prim Ministru Joseph Muscat, Malta mistennija ddaħħal liġijiet ġodda biex tirregola l-Intelliġenza Artifiċjali, wara li din is-sena kien diġà ġie ffurmat qafas sħiħ relatat mal-blockchain. Dan qalu waqt li kien qed jitkellem f’konferenza organizzata minn EY.

Muscat tenna li Malta mhux se tibża mill-bdil u se tibqa’ tħaddan it-teknoloġija diġitali li qeda fis-suq bħalissa, propju kif għamlet mal-introduzzjoni tal-blockchain.