74% tal-intrapriżi Inkwetati bis-sitwazzjoni bankarja f’Malta

Read in English.

Skont stħarriġ li sar mill-GRTU, 74% tal-intrapriżi qalu li qed isibu diffikultà jiksbu fondi mill-banek, 25% iktar mill-istess stħarriġ li sar fl-2011.

Il-GRTU preżentat ir-riżultati ta’ dan l-istħarriġ waqt il-konferenza annwali għan-negozji żgħar u medji organizzata mill-GRTU Malta Chambers of SMEs.

Il-Viċi President tal-GRTU Marcel Mizzi qal li mill-perspettiva tan-negozji is-sitwazzjoni finanzjarja tinsab ħażina ħafna. Żied li għandu bżonn ikun hawn aktar kompetizzjoni fis-settur bankarju.

Din il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-Ministru tal-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji ż-Żgħar Chris Cardona. Fid-diskors tiegħu, irringrazzja lill-GRTU li qatt ma baqgħet lura quddiem l-isfidi u ħadmet biex jinstabu s-soluzzjonijiet. Il-Ministru insista li Malta qed tħabbat wiċċha ma’ sfidi ġodda u mhux faċli li wieħed isib soluzzjoni.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia waqt din il-konferenza ħabbar li ġie ffirmat ftehim bejn Malta u l-Ġermanja ma’ T-Systems biex joffru s-servizz ta’ Blockchain għall-kumpaniji li jridu jwaqqfu l-proġetti tagħhom f’Malta.

Il-President tal-GRTU Malta Chamber of SMEs Paul Abela qal li Malta għaddejja minn żmien partikolari li qed joffri sfida minħabba s-suċċess ekonomiku tal-pajjiż.