74% iħassru posts minn Facebook minħabba x-xogħol

74% ta’ dawk bejn it-18 u l-34 sena jħassru diversi posts li jtellgħu fuq Facebook u midja soċjali oħra, biex jevitaw impatt negattiv fuq il-karriera tagħhom.

Dan ħareġ minn studju fl-Istati Uniti li fih ipparteċipaw elf persuna li jużaw it-Twitter, Facebook, l-Instagram, Pinterest u t-Tumblr.

Irriżulta li 91% tal-kumpaniji jużaw is-siti tan-netwerks soċjali qabel ma jdaħħlu impjegati ġodda.

29% ta’ dawk li għandhom bejn 18 u 34 sena qalu li kemm-il darba tellgħu ritratt, kumment, jew informazzjoni personali oħra, li beżgħu li setgħet taffetwalhom l-impjieg eżistenti jew opportunitajiet oħra fil-futur.

Madanakollu, 36% biss ta’ dawk li għandhom bejn 35 u 64 sena jħassru kontenut li jtellgħu minħabba l-karriera.

82% taż-żgħażagħ jagħtu każ li dak li jtellgħu fuq Facebook ma jkunx jista’ jaċċessah kulħadd. Fil-fatt huma 6% biss li jħallu s-settings oriġinali.