730 post ta’ taħriġ u esperjenza tax-xogħol għaż-żgħażagħ

Il-Prim Ministru Joseph Muscat indirzza konferenza dwar l-Apprentistat u t-Taħriġ fejn irringrazzja lis-settur privat talli qed joffri taħriġ f’730 post liż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.
Dawn il-postijiet fi 83 kumpanija, se jkunu qed jagħtu esperjenza lil dawn il-ħaddiema kif ukoll jgawdi minn inċentivi mħabbra fil-baġit.
Il-Prim Ministru qal li l-istatistika fl-aħħar ġranet uriet riżultati inkoraġġanti iżda hemm realtijiet oħra li permezz ta’ dan il-programm b’mod dirett se jiġi megħjun l-investiment fil-kumpaniji, u indirettament indirizzat il-prekarjat.
Sostna li permezz ta’ istituzzjonijiet bħal Jobs+, l-MCAST u l-ETC qed tinbena strateġija biex fil-ġejjieni jinħolqu opportunitajiet għaż-żgħażagħ li jieqfu jistudjaw.
Joseph Muscat qal li l-pass li jmiss huwa li jiġu ndirizzati s-snajja’ u t-taħriġ vokazzjonali. 
Sostna li minn metodu tradizzjonali, ibbażat fuq l-aspett akkademiku, dawn iridu joffru opportunità li persuna tuża toroq oħra għall-karriera.
Matul l-istess konferenza tkellem ukoll il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo fejn semma l-importanza li ż-żgħażagħ jingħataw opportunitajiet fejn jistgħu joħorġu t-talenti varji tagħhom.
Qal li l-edukazzjoni trid tkun varja biżżejjed biex tilħaq l-aspirazzjonijiet tal-istudenti u l-kapaċitajiet kollha tagħhom.

Ritratt: DOI – Clodaugh Farrugia O'Neill