Rekord ta’ 72 każ ġdid tal-coronavirus; għadhom qed jiġu investigati

Read in English.

Malta kellha 72 każ ġdid tal-coronavirus fl-aħħar 24 siegħa, l-akbar għadd ta’ każijiet li qatt kellha Malta f’ġurnata.

Fiequ 20 persuna u b’hekk it-total ta’ każijiet attivi huwa ta’ 557. B’kollox saru 2,435 swab test fl-aħħar 24 siegħa.

Dan tħabbar fuq il-paġna tal-Ministeru tas-Saħħa fuq Facebook, fejn ingħad li l-każijiet il-ġodda għadhom qed jiġu investigati. Uħud jidhru li huma kuntatti ta’ każijiet li diġà ssemmew. Il-Ministeru qal li fis-sigħat li ġejjin nies li kienu f’kuntatt ma’ każijiet pożittivi se jiġu kkuntattjati.

OFFICIAL COVID-19 figures for 15•08•2020Chris Fearne | MaltaGov | Health Promotion and Disease Prevention Directorate

Posted by saħħa on Saturday, August 15, 2020

Illum, il-MAM ħabbret li se tissospendi d-direttivi tat-tobba għal ġimgħa għaliex qiegħda tistenna lill-Gvern jieħu azzjoni deċiżiva. Hija mhix kuntenta bil-fatt li attivitajiet tal-massa għadhom qed jitħallew isiru, u qed takkuża lill-Gvern li poġġa l-ekonomija u t-turiżmu qabel is-saħħa.

Iż-żieda fil-każijiet qiegħda twassal biex bosta pajjiżi jpoġġu lil Malta fil-lista l-ħamra, dik tal-aktar pajjiżi mhux siguri minħabba l-coronavirus.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn