72 anzjan trasferiti għal lukanda fir-Rabat

Steward Health Care ħabbret illi t-trasferiment ta’ 72 anzjan mir-Residenza Sant’Anna fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex għad-Downtown Hotel fir-Rabat stess, flimkien mal-impjegati tar-residenza, tlesta llum.

Din il-lukanda kienet taħdem fiha persuna li ġiet infettata bil-coronavirus. Dan ikkonfermatu s-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci meta mistoqsija minn Newsbook.com.mt ilbieraħ. Hija qalet li l-lukanda ġiet diżinfettata wara li skrivana li taħdem f’uffiċċju fil-lukanda ġiet ikkonfermata bħala pożittiva għall-virus.

Stqarrija maħruġa minn Steward dalgħodu tgħid li l-lukanda saret disponibbli tliet ġimgħat ilu permezz ta’ koperazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex. Il-lukanda ġiet diżinfettata darbtejn f’temp ta’ 24 siegħa, u ttieħdu miżuri ta’ kontroll sabiex jiġu salvagwardjati r-residenti u l-impjegati.

L-Isptar Ġenerali t’Għawdex kien diġà illibera 41 sodda għall-pazjenti tal-coronavirus. Bir-Residenza Sant’Anna vojta, issa se jkun hemm 80 sodda disponibbli, jiġifieri t-total ta’ sodod għal pazjenti bil-coronavirus se jkun ta’ 120.

Fi stqarrija l-Ministeru għas-Saħħa kkonferma li l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex huwa issa mgħammar b’120 sodda ddedikati għall-pazjenti bil-COVID-19.

“Dawn l-anzjani kienu rrilokati f’akkomodazzjoni liċenzjata, fl-akkwati tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Din il-binja, fir-Rabat, ġiet mgħammra bl-esiġenzi kollha għal dar tal-anzjani u kapaċi toffri servizz tajjeb u livell tajjeb ta’ kumdità. Din l-istess akkomodazzjoni għandha l-potenzjal li tilqa’ mal-20 anzjan ieħor, kemm-il darba jinqala’ l-bżonn ta’ dan,” skont il-Ministeru.

Steward qalet li fl-aħħar tliet ġimgħat, saru għadd ta’ tibdiliet fil-faċilità, sabiex din takkomoda l-bżonnijiet tar-residenti anzjani, fosthom ta’ sodod motorizzati u apparat ieħor ta’ mobbiltà, sistemi biex l-anzjani jċemplu lill-infermiera, maħżen għall-apparat kliniku, u kmamar fejn jinħaslu u jbiddlu l-impjegati. Il-parti t’isfel tal-lukanda nbidel f’żona fejn jieklu u jqattgħu l-ħin liberu tagħhom ir-residenti, u anke kappella.

Il-kmamar għall-pazjenti ħadu żewġ sulari, inklużi kmamar ta’ trattament u kmamar fejn jintrefgħu l-lożor f’kull sular. Il-kmamar tal-pazjenti kollha għandhom żewġ sodod, televixin u kamra tal-banju tmiss magħhom.

Il-ħaddiema tar-Residenza Sant’Anna se jibqgħu jieħdu ħsieb lir-residenti, sabiex dawn ma jħossuhomx diżorjentati. Is-servizzi mediċi offruti fir-Residenza Sant’Anna se jibqgħu jingħataw.

Il-ħaddiema u r-residenti kollha ġew ittestjati għall-coronavirus. L-impjegati kollha għandhom ilbies ta’ protezzjoni addattat. Il-qraba tar-residenti għalissa mhumiex permessi jżuruhom, iżda huma inkoraġġiti li jżommu kuntatt mar-residenti sabiex dawn ma jħossuhomx waħedhom.

Rappurtaġġ addizzjonali: Christoph Schwaiger

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn