71% tan-negozji f’Għawdex kellhom jagħlqu minħabba l-pandemija – GTA

L-Assoċjazzjoni għat-Turiżmu f’Għawdex qalet li 71% tan-negozji f’Għawdex kellhom iwaqqfu l-operat tagħhom minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Fi stqarrija, il-GTA kienet qed titkellem dwar stħarriġ li għamlet qalb il-membri tagħha li għandhom negozji f’Għawdex biex tifhem aħjar is-sitwazzjoni tar-riżorsi umani fis-settur tat-turiżmu u kif dawn qed jiġu affettwati mill-pandemija. Is-survey kien imwieġeb minn diversi negozji. 48% ġejjin mis-settur tal-akkommodazzjoni, 16% huma ristoranti, 11% huma Diving Centres, 6% kienu attrazzjonijiet tat-turisti, 11% servizzi tat-trasport, operaturi tat-tours, DMCs u aġenziji tal-ivvjaġġar jagħmlu flimkien 4%, 2% ġejjin mir-real estate u 2% kumpaniji ta’ konsulenza tat-turiżmu.

Is-survey ikkonferma li s-settur tat-turiżmu f’Għawdex huwa bbażat fuq kumpaniji żgħar u dawk immexxija minn familji. 67% ta’ dawk li wieġbu s-survey jimpjegaw inqas minn 10 ħaddiema. 19% qalu li jimpjegaw bejn 10 u 40 ħaddiem. Kienu biss 12% ta’ dawk li wieġbu s-survey li qalu li għandhom aktar minn 40 impjegat.

Minkejja li fil-maġġoranza tagħhom in-negozji f’Għawdex huma magħluqin, 81% tal-kumpaniji qalu li dan ma wassalx biex huma jkeċċu lill-impjegati tagħhom. Intant 77% tal-kumpaniji qalu li qed jibbenefikaw mill-iskema tal-wage supplement tal-Malta Enterprise. 35% minnhom għadhom qed jistennew li jirċievu l-ħlas ta’ din l-iskema.

Intant, skont is-survey tal-GTA, 15% tal-parteċipanti qalu li l-impjegati tagħhom qed jaħdmu b’inqas sigħat, 8% għandhom xi impjegati jaħdmu b’inqas sigħat, filwaqt li 71% kellhom iwaqqfu n-negozju tagħhom kompletament.

Intant, 40% ta’ dawn in-negozji qalu li jekk is-sitwazzjoni preżenti tippersisti se jkollhom jaslu f’punt fejn ikeċċu lil xi ħaddiema. 24% mhux qed jippjanaw li jkeċċu ħaddiema, iżda hemm 36% ta’ dawn in-negozji li jinsabu bejn ħaltejn dwar x’se jagħmlu.

Mitluba jgħidu x’jaħsbu li jkunu miżuri li jistgħu jgħinuhom aħjar fiż-żmien qarib, in-negozji taw preferenza fuq it-tnaqqis tar-rata tal-vat fuq is-servizzi relatati ma’ akkomodazzjoni u t-turiżmu, tnaqqis fil-prezzijiet tad-dawl u l-ilma, tnaqqis fil-prezz tal-fjuwil u skemi li jkopru l-kera tal-postijiet minn fejn joperaw dawn in-negozji.

Intant ilbieraħ, il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli żvelat fuq Facebook li l-Prim Ministru Robert Abela se jkun qed iħabbar aktar tnaqqis ta’ miżuri b’rabta mal-coronavirus sa nhar it-Tnejn li ġej. “L-ewwel magna li se tinxtegħel hi dik ta’ turiżmu intern bejn il-Maltin u l-Għawdxin. Dan hekk kif sa nhar it-Tnejn li ġej il-Prim Ministru se jkun qed iħabbar liema huma dawk is-setturi fl-ekonomija li se jiftħu u bid-dati ta’ meta,” qalet Farrugia Portelli.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn