Aġġornata: 70% tal-investiment dirett jasal mis-settur finanzjarju

Sal-aħħar ta’ Diċembru l-investiment dirett barrani f’Malta kien jammonta għal €9.6 biljun filwaqt li l-investiment dirett barra minn Malta kien jammonta għal €1.1 biljun.
Dan jirriżulta mill-istatistika tal-NSO.
L-ikbar investiment dirett f’Malta jasal mill-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea b’€6.4 biljun.
70.6% jasal mis-settur finanzjarju.
Għaldaqstant jirriżulta tnaqqis ta’ €3 biljun minn dan is-settur meta mqabbel mal-2012.
Mill-istatistika jirriżulta wkoll li matul is-sena li għaddiet, l-investiment dirett barra minn Malta naqas bi €13.9 biljun.
Dan meta mqabbel mat-tnaqqis ta’ €35.6 miljun matul l-2012. 

Reazzjoni Partit Nazzjonalista
Il-Partit Nazzjonalista jesprimi t-tħassib tiegħu għall-aħbar maħruġa mill-NSO li l-investiment barrani dirett f'Malta naqas b'24%. Dan huwa sinjal ieħor minn sensiela ta' sinjali li jwasslu l-Partit Nazzjonalista biex jinsisti li l-Gvern jindirizza mill-aktar fis possibli l-isfidi li qed taffaċċja l-ekonomija Maltija.
Minbarra t-tnaqqis ta' 24% fl-investiment barrani dirett f'Malta, fl-aħħar xhur kompliet tonqos ukoll il-produzzjoni industrijali, kif ukoll l-importazzjoni u l-esportazzjoni li huma indikaturi relatati mal-andament tal-industrija tal-manifattura u l-bejgħ mill-ħwienet. Dan it-tnaqqis jista’ jkollu konsegwenza diretta fuq il-postijiet tax-xogħol, fuq il-pagi u bidliet fil-kundizzjonijiet tax-xogħol ghall-ħaddiema Maltin u Għawdxin.