​70% tal-formazzjoni tat-tfal mhix mill-iskola – MUT

L-Unjin tal-Għalliema Maltin (MUT) qalet li studji juru li 70% tal-formazzjoni tat-tfal tiġi mit-tgħalim informali jew non-formali li jiġu esposti għalih id-dar jew fil-komunità.
L-istqarrija tal-MUT ħarġet b’reazzjoni għal dak li ntqal mid-difiża fil-qorti dwar il-każ taż-żagħżugħ ta’ 17-il sena li qed jiġi akkużat b’attentat ta’ qtil ta’ pulizija.
L-avukat tal-akkużat spjega li ż-żagħżugħ huwa prodott tas-sistema edukattiva Maltija, hekk kif hu kien għadu l-iskola sas-sena l-oħra.
“Jekk dan is-70% ma jiġix indirizzat b’mod tajjeb, is-sistema edukattiva qatt mhu se tkun tista’ tindirizza ċertu kwistjonijiet fosthom it-tluq mill-skola qabel iż-żmien, bullying, u attività kriminali oħra” sostniet l-MUT.
L-MUT qalet li s-sistema edukattiva waħedha mhux biżżejjed biex teduka lit-tfal u m’għandhiex l-għodda neċessarji biex titratta ma’ sitwazzjonijiet fejn ikun hemm forzi soċjali li mhux qed jiġbdu l-istess ħabel. L-MUT semmiet il-familja, il-midja, u s-soċjetà bħala eżempji ta’ forzi soċjali.
“F’dan is-sens, aktar investiment u strateġiji għandhom jidħlu fis-seħħ u jiġu ddiżinjati għal dawn l-irwoli differenti fl-edukazzjoni tat-tfal. Fiċ-ċentru ta’ dan hemm il-ħtieġa biex jiġu rispettati l-valuri fundamentali tar-rispett lejn l-awtorità u r-responsabbilità għall-għemil ta' dak li jkun, valuri li huwa ċar li ma jitħaddnux minn kulħadd.”