70 sett ta’ aħwa fi djar tat-tfal jew foster care mifruda

Skont informazzjoni li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti mill-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia, preżentement 70 sett ta’ aħwa li jinsabu f’out of home care jinsabu mifrudin minn xulxin.
It-terminu out of home care jirreferi għal dawk il-minorenni li għal xi raġuni jew oħra ma jkunux jistgħu jibqgħu jgħixu mal-ġenituri tagħhom. Ir-raġunijiet ivarjaw u jinkludu dawk it-tfal u adolexxenti taħt Ordni ta’ ħarsien (care order) kif ukoll tfal fi djar residenzjali oħra.
Il-Ministru Farrugia spjega li l-politika tal-Gvern hi li sa fejn hu possibbli l-aħwa jinżammu flimkien, u għal dan il-għan, f’Ottubru 2013, infetħet is-Siblings Home biex tilqa’ fiha lill-aħwa li jkunu taħt Ordni ta’ Ħarsien.
Huwa sostna li barra minn hekk, f’kull ftehim bejn il-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali u djar residenzjali qed jiddaħħal ir-rekwiżit li sakemm ikun possibbli, l-aħwa jingħataw prijorità biex jgħixu flimkien. Barra minn hekk, diversi foster carers ukoll qed jintalbu biex sakemm ikun possibbli “jaċċettaw li jindukraw aħwa minuri”.
Fil-maġġoranza tal-każi imsemmija, jidher li l-aħwa infirdu minħabba ħtiġijiet differenti tal-minuri inkwistjoni, li spiss kienu ta’ etajiet varjati.
Hekk, numru ta’ każi kienu jinkludu aħwa tfal ta’ bejn tlieta u erba’ snin u addolexxenti. Barra min hekk, f’diversi każi, in-numru ta’ aħwa kien wieħed imdaqqas (erbgħa jew aktar) u għalhekk kien diffiċli li tinstab akkomodazzjoni waħda li setgħet tospitahom kollha. Numru ta’ każi kienu jinkludu sitwazzjonijiet fejn mill-anqas wild wieħed fost l-aħwa kien persuna b’diżabilità.