“70 sena wara d-Drittijiet Umani għadhom mhux garantiti għal kulħadd”

Il-Papa Franġisku, nhar it-Tnejn filgħodu laqa' lill-ambaxxaturi minn madwar id-dinja kollha li huma akkreditati għall-Vatikan, u għamlilhom diskors qawwi li fih ittrata diversi temi li jvarjaw mid-drittijiet umani, il-gwerrer u l-paċi, l-immigrazzjoni, il-faqar, ix-xogħol, il-familja, l-ambjent u temi oħra
“Il-preżenza qawwija ta’ tant ambaxxaturi akkreditati għall-Vatikan turi l-interess tal-komunità internazzjonali fil-missjoni tas-Santa Sede u l-ħidma tal-Knisja Kattolika fil-pajjiżi rispettivi tagħkom”, qalilhom.
Hu fakkar li din is-sena jaħbat iċ-ċentinarju minn tmiem tal-Ewwel Gwrerra Dinjija, kunflitt li bidel wiċċ l-Ewropa u wiċċ id-dinja bil-ħolqien ta’ stati ġodda flok l-imperi tal-imgħoddi.
Sfortunatament id-dinja ma tgħallmitx minn dik il-gwerra tant li 20 sena wara faqqgħet gwerra oħra b’ konsegwenzi aktar koroh.
Minn dawn ħadna żewġ lezzjonijiet. L-ewwel hi li r-rebħa ma tfissirx li għandek tumilja lit-tellief. Il-paċi ma tinbeniex billi r-rebbieħ juri s-saħħa tiegħu fuq it-tellief. L-aggressjonijiet ma jintrebħux bil-biża’ iżda bil-kalma u r-raġuni li jinkoraġixxu d-djalogu biex insolvu d-differenzi.
It-tieni lezzjoni hi li l-paċi tkun konsolidata meta l-pajjiżi jistgħu jiddiskutu l-problemi minn pożizzjoni ugwali.
Dan kien li wassal għat-twaqqif tan-Nazzjonijiet Magħquda biex l-istati kollha, kbar u żgħar, ikollhom garanzija ta’ indipendenza u integrità territorjali. Dan kien il-fundament tad-diplomazija multilaterali li llum għandha rwol important fil-komunità internazzjonali. Eventwalment dan wassal għad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet Umani li tafferma li “Ir-rikonoxximent tad-dinjità u d-drittijiet ugwali u inaljenabbli tal-membri kollha tal-familja umana huma l-pedament tal-libertà, il-ġustizzja u l-paċi fid-dinja”.
Il-Papa Franġisku qal li din is-sena ried jiddedika d-diskors tiegħu għal dan id-dokumenti important, 70 sena wara li kien addottat – fl-10 ta’ Diċembru 1948.
Għas-Santa Sede, li titkellem dwar id-drittijiet umani jfisser fuq kollox li tenfasizza ċ-ċentralità tal-persuna umana, mixtieq u maħluq minn Alla fuq xbieha tiegħu stess. “Alla nnifsu, meta fejjaq lil dak il-lebbruż, ta l-vista lir-raġel għama, meta tkellem mal-pubblikani, meta salva l-ħajja tal-mara adultera, iridna nifhmu li kull persuna umana, indipendentement mill-kundizzjoni fiżika, spiritwali jew soċjali tagħha għandha tkun irrispettata u mogħtija kunsiderazzjoni xierqa”.
“Dawn id-drittijiet kienu pproklamati biex jitneħħew il-barrieri li jifirdu l-familja umana u jiffavorixxu d-duttrina soċjali tal-Knisja li trid ‘żvilupp uman integrali’. Jekk inħarsu lejn il-persuna umana b’mod anqas sħiħ inkunu qed niftħu t-triq għall-inġustizzji, l-inugwaljanza soċjali u l-korruzzjoni”, sostna l-Papa.
Hu ta’ dispjaċir li wara 75 sena tara li ħafna drittijiet umani għadhom ikunu miksura.
L-ewwel fosthom hu d-dritt ta’ kull persuna umana għall-ħajja, il-libertà u s-sigurtà personali. Mhux il-gwerrer u l-vjolenza biss jiksru dawn id-drittijiet.” Jiġuni f’moħħi l-ewwel u qabel kollox, trabi li jintremew saħansitra qabel jitwieldu, kultant għax morda jew b’diżabilità jew minħabba l-egoiżmu tal-adulti. Nifatakar fl-anzjani li spiss ikunu mwarrba speċjalment meta jimirdu u jitqiesu bħala xkiel. Niftakar fin-nisa li ripetutament isofru vjolenza anke fil-familja tagħhom stess. Spiss niftakar fil-vittmi tat-traffikar uman li jmur kontra l-projbizzjoni ta’ kull forma ta’ skjavitù.  Kemm persuni, speċjalment dawk li qed jaħarbu mill-faqar u l-gwerrer, jispiċċaw vittmi ta’ dan il-kummerċ minn persuni bla skruplu?” staqsa Franġisku.
Id-dritt għall-ħajja u l-integrità fiżika jfisser li niggarantixxu s-saħħa tal-individwu u d-dritt għall-kura medika u s-servizzi soċjali li għandu bżonn. Il-Papa awgura li f’dan ir-rigward isir sforz biex kulħad ikollu aċċess għall-kura medika u l-mediċini essenzjali.
Id-dritt għall-ħajja jfisser li rridu naħdmu lkoll biex ikun hawn il-paċi fid-dinja. Madankollu f’diversi partijiet tad-dinja għad hawn kunflitti kbar.
Jidher li l-isforzi tal-komunità internazzjonali u tal-organazzjonijiet internazzjonali mhux qed ikollhom effett biżżejjed. Dan m'għandux jaqtalna qalbna milli nżidu l-isforzi tagħna għall-paċi. Mingħajr il-paċi ma jistax ikun hemm żvilupp integrali uman.
Il-Papa tkellem ukoll dwar il-bżonn li jieqaf it-tixrid tal-armamenti u l-abolizzjoni tal-armi nukleari. Is-Santa Sede tafferma l-konvinzjoni tagħha li kull tilwima li tista’ tqum bejn xi pajjiżi għandha tkun riżolta b’negozjati u ftehim u mhux bl-armi.
Hi l-imħabba u mhux il-biża’ li għandha tiddomina r-relazzjonijiet bejn l-individwi u l-pajjiżi.
Il-Papa mbagħad tkellem dwar is-sitwazzjoni fil-peninsula tal-Korea, is-Sirja, il-Libja, l-Eġittu, il-Lebanon, l-Iraq, il-Jemen, l-Afgħanistan, l-Ukrajna,  il-Venezwela u numru ta’ pajjiżi oħra fejn hemm l-inwiet. Semma wkoll il-minoritajiet reliġjużi li qed ikunu ppersegwitati f’diversi pajjiżi u dwar il-bżonn li l-imbigranti u r-refuġjati jkunu milqugħa.
Tkellem dwar it-tensjoni bejn Iżrael u l-Palestina u l-bżonn li jinżamm l-istatus quo ta’ Ġerusalemm.
Irrefera għal dawk li qed isofru f’diversi pajjiżi Afrikani, speċjalment is-Sudan t’Isfel, il-Kongo, is-Somalja, in-Niġerja u r-Republika Ċentrali tal-Afrika, fejn id-dritt għall-ħajja hu mhedded bl-esplojtazzjoni esaġerata tar-riżorsi, it-terroriżmu u gwerrer li ilhom itawlu ħafna snin.