70 sena ilu fix-Xagħra sar għall-ewwel darba t-Tberik tal-Annimali

Ħafna anzjani Xagħrin ġeddu l-memorji ta’ 70 sena ilu meta wrewhom ritratt li dan l-aħħar iċċirkola fuq Facebook, li juri lill-Isqof ta’ Għawdex ta’ dak iż-żmien, Ġużeppi Pace, qed imexxi l-ewwel ċerimonja tat-tberik tal-annimali li qatt saret fir-raħal tagħhom għall-festa ta’ Sant’Anton Abbati.
Il-festa ta’ dan ir-raħeb meqjum Eġizzjan tas-seklu tlieta, meqjus missier il-monakiżmu tad-deżert, hi assoċjata mat-tberik tal-annimali. F’Għawdex issir fil-kappella ċkejkna u antika ddedikata lilu f’tarf ir-raħal tax-Xagħra, fl-eqreb Ħadd lejn is-17 ta’ Jannar, li s-sena inzerta ħabat il-Ħadd!
Il-Banda Victory tax-Xagħra sfidat il-kesħa xxoqq il-għadam ta’ Jannar u wara l-Pontifikal tal-Isqof ta’ Għawdex fil-kappella ċkejkna, akkumpanjat l-istatwa ta’ Sant’Anton lejn il-Bażilika ta’ Marija Bambina, mnejn irritornat f’darha l-Ħadd filgħaxija, waqt li Għawdxin minn kullimkien ġabu l-annimali kbar u żgħar tagħhom għat-tberik mill-Isqof.
Il-kappella ta’ Sant’Anton Abbati fl-inħawi magħrufa bħala Tal-Qaċċa hi l-eqdem waħda li għadha teżisti minn fost il-gzuz li kien hemm fil-perjodu Medjevali fix-Xagħra. Għal xi żmien serviet proviżorjament bħala l-ewwel knisja parrokkjali meta r-raħal sar parroċċa fl-1688. Illum dan il-ġojjell ċkejken jista’ jitgawda fil-ġmiel oriġinali tiegħu, grazzi għax-xogħlijiet ta’ restawr u tisbiħ li saru fl-aħħar snin.
Ma jonqsux ukoll opri ġodda li jagħmlu minnha attrazzjoni ħelwa.  Ir-Rettur Dun Ġwann Sultana fil-fatt qalilna li għadu kemm iżżanżan sett ta’ pitturi moderni tal-Via Crucis xogħol iż-żagħżugħ Manuel Farrugia.
Rajna li l-komunità ċkejkna li tiffrekwenta l-knisja hi ħajja tassew. Bħala parti mill-festi ħelwin li saru fl-aħħar ġranet, ittella’ għall-ewwel darba kunċert vokali mill-aħwa Marita Vella u Diana Zammit, Voices from the Chapel.