70 presepju f’wirja f’Birkirkara

L-Għaqda Wirjiet San Ġużepp Ħaddiem se tkun qed torganizza, għas-17-il sena konsekuttiva, il-Wirja Annwali tal-Presepji, fiċ-Ċentru Parrokkjali San Ġużepp Ħaddiem, nru. 71, Triq Bwieraq, Birkirkara.

F’din il-Wirja ser ikun hemm esebiti ‘l fuq minn 70 presepju ta’ kull daqs u għamla, kif ukoll Bambini, kwadri bis-smid ikkulurit, dekorazzjonijiet u oġġetti oħra relatati mal-Milied. Fil-biċċa l-kbira tagħhom, l-oġġetti għall-wiri huma magħmulin bl-idejn mill-esebituri nfushom. Barra minn hekk, ser ikun hemm esebiti wkoll xi presepji, Bambini u kwadri antiki li ser ikunu qed jintwerew fil-pubbliku għall-ewwel darba f’din il-Wirja.

Matul il-ġranet tal-Wirja, ser isir ukoll bejgħ ta’ ponsjetti, pjanti, dekorazzjonijiet u ħelu tradizzjonali tal-Milied. Ikun hemm ukoll bar/kafetterija fejn wieħed jista’ jieħu xi ħaġa mal-familja jew ħbieb f’atmosfera festiva.

Il-Wirja tkun miftuħa min-nhar is-Sibt 7 ta’ Diċembru, u tibqa’ tiftaħ sal-Ġimgħa 27 ta’ Diċembru. Il-ħinijiet tal-ftuħ ikunu kuljum mid-9am sa 12pm u mill-4pm sat-8pm. Id-dħul huwa kompletament mingħajr ħlas.

Aktar dettalji dwar din il-Wirja, kif ukoll dwar l-Għaqda Wirjiet jistgħu jinkisbu minn fuq il-poster uffiċjali tal-Wirja, mis-sit elettroniku wirjasgh.webs.com, jew inkella mill-paġna tal-Għaqda fuq Facebook.