70 mowbajl mitluf fl-2018 għand il-Pulizija

Bejn Lulju u Diċembru tal-2018, il-Pulizija rċevew mal-143 oġġett misjub mill-pubbliku, fosthom 70 mowbajl. Dan ħareġ minn statistika ppubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern tal-bieraħ.

L-aktar oġġetti li jitilfu l-Maltin jidher li huma l-mowbajls, hekk kif total ta’ 70 mill-oġġetti mitlufin huma propju mowbajls ta’ kull għamla u tip. Il-flus, kartieri u credit cards huma t-tieni l-aktar oġġetti mitlufin, b’total ta’ 32 rapport lill-Pulizija.

Bosta aċċessorju bħal ġiżirajjen, ċrieket u arloġġi ttieħdu għand il-Pulizija, b’total ta’ 18-il sejba tat-tip. L-apparat teknoloġiku ma naqasx, fosthom 8 tablets, laptop, printer u kameras fost oġġetti oħrajn.

Intant kien hemm xi oġġetti oħrajn li nstabu li forsi mhux tas-soltu bħal fender ta’ dgħajsa, drill bitt u anke baga.