70% jaħsbu li t-tablets huma ta’ għajnuna għall-istudenti

Read in English.

70% tal-edukaturi u l-ġenituri li pparteċipaw fi stħarriġ jaħsbu li l-użu tat-tablets għen lill-istudenti fil-mixja edukattiva tagħhom. L-istħarriġ sar mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika fost edukaturi u ġenituri ta’ studenti li ngħataw it-tablets bħala parti mill-proġett One Tablet Per Child (OTPC).

Wieħed minn kull ħames għalliema parteċipanti qalu li l-istudenti ma jiħdux it-tablet magħhom l-iskola kuljum. L-istess numru ta’ għalliema qalu li jużaw it-tablet f’attività pjanata minn qabel biss. L-istudju juri wkoll li t-tablets ma jintużawx bl-istess rata fis-suġġetti akkademiċi kollha fejn l-iktar applikazzjonijiet popolari huma dawk tal-matematika u l-Ingliż. Nofs l-għalliema parteċipanti qalu li t-tablets ma jintużawx waqt il-ħarġiet organizzati mill-iskola.

L-istudju jelenka xi problemi li jinqalgħu waqt l-użu tat-tablets fl-iskejjel. Fost dawn hemm il-fatt li l-istudenti jonqsu milli jġibu t-tablet l-iskola jew meta dan ma jiġix iċċarġjat mid-dar. Problemi oħra huma relatati mal-wi-fi u l-konnettività speċjalment fl-iskejjel li mhumiex tal-istat kif ukoll veloċità baxxa fis-sistema tat-tablet.