70,000 żagħżugħ u żagħżugħa se jinġabru f’Ruma għall-Ġublew taż-Żgħażagħ

Mil-lum sa nhar it-Tnejn li ġej, fil-Vatikan mistennija jaslu mas-70,000 żagħżugħ u żagħżugħa minn madwar id-dinja kollha biex jiċċelebraw flimkien il-Ġublew taż-Żgħażagħ u s-Sena tal-Ħniena. 
Il-Ġublew se jibda b’pellegrinaġġ minn Castel S. Angelo sal-Bieb Qaddis li hemm fil-Bażilika ta’ San Pietru, li jinfetaħ biss meta l-Knisja tkun qed tiċċelebra ġublew. 
Illum se jkun hemm aktar minn 150 saċerdot madwar Ruma, lesti biex jgħinu liż-żgħażagħ jersqu viċin tas-Sagrament tal-Qrar. 
Waranofsinhar, meta jintemm il-pellegrinaġġ fil-Bażilika, iż-żgħażagħ se jmorru fl-istadium tal-Olimpico fejn se jkun hemm kunċert mużikali minn bosta kantanti popolari Taljani u anke se jkun hemm ukoll żgħażagħ li jitkellmu dwar ix-xhieda Nisranija tagħhom. 
Għada l-Ħadd imbagħad, fl-10:30 ta’ filgħodu, il-Papa Franġisku se jqaddes quddiesa fi Pjazza San Pietru u l-pellegrinaġġ ikompli bil-viżti fl-hekk imsejħa Tined tal-Ħniena li ntramaw apposta f’seba’ pjazez differenti fiċ-ċentru ta’ Ruma biex fihom jingħataw xhieda tal-ħniena spiritwali u fiżika.