70,000 studenti fl-iskejjel Maltin

Fis-sena akkademika ta’ bejn l-2013 u l-2014, kien hemm kważi 70,000 student fis-sistema edukattiva Maltija.
Skont l-NSO, iċ-ċifri huma simili għal snin oħra imma, waqt li iktar tfajliet minn ġuvintur qed jiggradwaw mill-Università, fis-sistema edukattiva hemm iktar studenti subien milli bniet.
Kważi 70% tal-istudenti kienu jattendu skejjel tal-Gvern, waqt li, mill-bqija, kważi tlieta minn kull erba’ kienu jattendu skola tal-Knisja.
5% tal-istudenti fl-edukazzjoni formali kienu barranin, kważi kollha minn pajjiżi oħra tal-UE.
L-NSO qal li fejn tidħol l-edukazzjoni terzjarja, l-iktar popolari kienu korsijiet fil-qasam tax-xjenzi soċjali, in-negozju u l-liġi, bl-istudenti rġiel jagħżlu l-iktar l-inġinerija u x-xjenza u l-istudenti nisa jmorru għall-edukazzjoni u s-saħħa.
Fil-qasam vokazzjonali, l-inġinerija, il-manifattura u l-kostruzzjoni reġgħu kienu l-iktar popolari.
Fil-livell sekondarju, il-lingwa barranija l-iktar poplari kienet it-Taljan, magħżula minn sitta minn kull għaxar studenti. Tlieta biss minn kull għaxra għażlu l-Franċiż waqt li l-bqija kienu maqsuma bejn il-Ġermaniż u l-Ispanjol.