“7 xhur ilu ma kien jonqosni xejn; issa sfaxxa kollox” – L-armel ta’ Miriam Pace

Carmel Pace, l-armel ta’ Miriam Pace, qal li sa seba’ xhur ilu ma kien jonqsu xejn, mentri issa li ċ-ċirkostanzi tal-ħajja u n-nies tad-dinja rendewlu ħajtu bla sens, iħoss li sfaxxa kollox.

Huwa tilef lil martu Miriam propju seba’ xhur ilu meta hija kienet ġod-dar tagħhom fi Triq Joseph Abela Scolaro fil-Ħamrun li ġġarrfet għax kien għaddej xi skavar ġo sit tal-kostruzzjoni biswitha. Wara tfittxija li damet għaddejja sigħat, Miriam Pace nstabet mejta taħt it-tifrik. Hija kellha 54 sena.

Ir-raġel kiteb kif qatlu lil martu, qerdulhom darhom li tant kienu kburin biha, u issa għadhom jiġu mwiegħda li r-rapport tlesta, mentri xahar wara, għadhom ma rawhx jew ma reġgħux semgħu bih. Stqarr mill-ġdid kif it-talba ta’ familtu għal inkjesta pubblika fuq il-każ ġiet injorata.

Carmel Pace ddeskriva kull ġurnata li hu u familtu jqattgħu l-qorti bħala “ftuħ ta’ pjaga.” Qal li huma għaddejjin “minn proċess burokratiku u twil biex nieħdu tak li hu tagħna.”

L-armel stqarr li wliedhom batew biżżejjed u għandhom bżonn ftit serħan, u għalhekk talab lil martu biex tinterċedi għalihom quddiem Alla.

It-2 ta'Ottubru Iċ-ċirkostanzi tal ħajja u n-nies tad dinja ġabuli ħajti bla sens.Sa seba xhur ilu ma kien jonqosni…

Posted by Carmel Pace on Thursday, October 1, 2020

Fil-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra l-erba’ rġiel akkużati bi traskuraġni fis-sit tal-kostruzzjoni b’rabta mal-każ, s’issa xehdet il-familja tal-vittma, ġirien, u ħaddiema. Is-seduta li jmiss se ssir fil-21 t’Ottubru għar-rinviju.