7 tajriet protetti mejta fil-Bypass ta’ Ħaż-Żebbuġ

7 tajriet tal-priża nstabu mejta fil-Bypass ta’ Ħaż-Żebbuġ għall-ħabta tal-4:30pm, ftit tas-sigħat qabel ma jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa fir-Rebbiegħa.
Tajr tal-priża huma għasafar protetti, li bl-Ingliż jirreferu għalihom bħala birds of prey jiġifieri għasafar li jikkaċċjaw għasafar oħrajn bħall-kuċċard u l-ajkli fost oħrajn.
Il-Pulizija mis-sezzjoni tal-Administrative Law Enforcement (ALE) issejjħu fuq il-post sabiex jiġbru t-tajr.
Il-każ kien ikkonfermat ma’ Newsbook.com.mt mill-Pulizija madanakollu, ma speċifikawx meta nqatel dan it-tajr u liema tip ta’ tajr kien.
Għada jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa
Dan il-każ seħħ lejliet il-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa għas-summiena li se jibqa’ miftuħ sal-21 ta’ April.
Fi stqarrija mibgħuta dalgħodu, il-BirdLife tenniet li bl-għajnuna ta’ tim ta’ voluntiera lokali u internazzjonali se tkun qed tissorvelja l-istaġun “kontroversjali” tal-kaċċa fir-rebbiegħa permezz tal-Ispring Watch.
Sostniet li se tkun qed tiddependi wkoll fuq l-għajnuna tal-pubbliku biex tiżgura li l-infurzar tal-liġijiet ambjentali jibqa’ jingħata prijorità u jħeġġu lil kull min jara każi ta’ kaċċa llegali sabiex jirraporta l-każi lill-Pulizija fuq 119 jew lil BirdLife stess fuq 21347645/6 waqt il-ħinijiet tal-uffiċċju, inkella fuq il-hotline 79255697.
Fl-istess stqarrija, l-BirdLife sostniet li d-deċiżjoni tal-Gvern li jestendi d-dati tal-kaċċa fir-Rebbiegħa għal April, tpoġġi l-gamiem f’riskju li jiġu kkaċċjati minkejja li hija llegali, hekk kif bħalissa din l-ispeċi ta’ tajra qed tiġi protetta mill-Għaqda Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN).
Jekk trid issir taf aktar dwar id-differenzi bejn il-gamiem u s-summien, ara dan il-filmat tal-BirdLife.

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=4EhXjNeIxAE]