7 snin mill-mewt ta’ Lino Grech

Kien bħal-lum 7 snin ilu, nhar it-2 ta’ Diċembru tal-2013 li x-xena tal-ispettaklu Maltija tilfet lill-awtur, direttur u attur Lino Grech.

Lino Grech kien twieled f’Tas-Sliema fl-1930 kien ħalliena fl-età ta’ 83 sena u bla dubju jibqa’ assoċjat mal-ewwel teleserje televiżiva bil-Malti, F’Baħar Wieħed, li fiha hu kien interpreta lil Pinu l-Pastizzar, karattru li fil-bidu tas-Snin 2000 reġa’ interpreta meta l-istazzjon Net kien xtara d-drittijiet tal-istorja u reġa’ ħadem din is-sensiela li fiha kienet reġġgħet ħadet sehem l-attriċi Ġemma Portelli fil-karattru popolari ta’ Ġoma.

F’Baħar Wieħed oriġinarjament kien kiseb suċċess bħala serje fuq ir-Redifussion u wara nħadem mhux biss darbtejn għat-televiżjoni iżda wkoll fuq il-palk.

Lino ħadem ukoll f’għadd kbir ta’ produzzjonijiet oħra fosthom Simpatiċi, Ipokriti u l-ewwel żewġ sensiliet ta’ It-Tfal Jiġu bil-Vapuri. L-aħħar xogħol tiegħu fuq it-televiżjoni kienet is-sensiela Vittma li nħadmet wara mewtu.

Lino kien miżżewweġ lil Frances u kien missier ta’ tlieta, Joseph, Godwin u Eric.