7 sigħat bla dawl fl-isptar t’Għawdex

Sorsi qrib l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex qalu ma' Newsbook.com.mt li għal seba' sigħat sħaħ fl-isptar ma kienx hemm provista tal-elettriku, bis-sistema tal-ġeneratur ma tlaħħaqx mal-isptar kollu.
Spjegaw li dan wassal biex  bejn is-7am u s-2pm, fis-swali tal-isptar lanqas setgħu jsaħħnu l-ilma b'kitla. Dan minħabba li l-elettriku pprovdut mill-ġeneratur jitwassal fi swali importanti bħall-emerġenza u s-CCU.
Żiedu jgħidu li kieku l-qtugħ tad-dawl kien bil-lejl, il-problema kienet tkun ikbar għax id-dwal ta' emerġenza ma jaħdmux.
Barra minn hekk, minħabba l-qtugħ tal-elettriku, il-canteen tal-isptar kellu jagħlaq, u l-impjegati tal-isptar kellhom jordnaw l-ikel minn barra. Dan minħabba li l-ikel li soltu jiġi pprovdut mill-isptar lill-impjegati, illum ma ngħatax. L-ikel tal-pazjenti ngħata b'mod normali mill-kuntrattur responsabbli.
Minn informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt jidher li l-provista tal-elettriku kienet ippjanata li tinqata' minħabba xi tiswijiet li saru f'xi partijiet tar-Rabat Għawdex.  L-istess sorsi qalulna li f'dawn l-eventwalitajiet, l-isptar għandu jkun preparat biex inaqqas l-inkonvenjent lill-pazjenti u lill-ħaddiema.