“7 proposti għal Parlament aħjar” – PN, “Niddiskutu ma’ kap ġdid tal-PN” – Il-Gvern

Il-Partit Nazzjonalista ppreżenta seba’ proposti għall-ħidma aħjar fil-Parlament. 
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Viċi Kap tal-PN Mario de Marco u l-Whip tal-PN David Agius qalu li l-Oppożizzjoni trid li fis-sajf isiru taħditiet mal-Gvern biex jintlaħaq qbil fuq għadd ta’ inizjattivi li għandhom jidħlu fis-seħħ meta jerġa’ jiftaħ il-Parlament fit-2 ta’ Ottubru. Min-naħa tiegħu l-Gvern qal li lest jiddikuti mal-Oppożizzjoni meta jkollha kap ġdid
Il-proposti mressqa huma li jinħatar kummissarju għall-istandards fil-ħajja pubblika, jibda jsir skrutinju ta’ ħatriet bħal ambaxxaturi u chairpersons ta’ awtoritajiet, jibda jkun hemm ħin speċifiku fil-Parlament għal mistoqsijiet lill-Prim Ministru, li l-Parlament ikollu aktar faċilitajiet u riżorsi, li l-Parlament jingħata aktar fondi biex ikun jista’ jimpjega aktar ħaddiema li jkunu ta’ appoġġ u fond ta’ riċerka għad-Deputati, li jibdew diskussjonijiet għar-Riforma Kostituzzjonali li tinkludi l-vot liż-żgħażagħ ta’ 16-il sena fl-elezzjoni ġenerali u li mozzjonijiet privati tal-Oppożizzjoni jsiru aktar frekwenti minn darba kull tliet xhur.
Dwar il-ħatra ta’ Kummissarju għall-istandards fil-ħajja pubblika, Dr De Marco stieden lill-Prim Ministru biex jipproponi ismijiet lill-Oppożizzzjoni biex issir il-ħatra tal-Kummissarju.
Min-naħa tiegħu David Agius tkellem dwar il-limiti tad-diskorsi u qal li t-tul mhux importanti. Saħaq li l-importanti huwa x’jingħad u li jkun hemm riċerka. F’dan l-isfond huwa saħaq li l-membri parlamentari għandhom ikollhom min jgħinhom fir-riċerka u appella lill-Gvern biex iżid il-finanzi tal-Parlament biex jiġu impjegati assistenti fir-riċerka.
Dwar ir-rappreżentanza femminili fil-Parlament qal li l-Oppożizzjoni m’għandhiex problema biex tiddiskutiha iżda saħaq li biex aktar nies jitħajru jsiru membri parlamentari jrid jiżdied ir-rispett. 
"Tali diskussjonijiet mal-Oppożizzjoni jibdew wara li jinħatar il-kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista" – Gvern
Min-naħa tiegħu l-Gvern qal li kif diġà ddikjara l-Prim Ministru Joseph Muscat pubblikament, se jkun qed jibda tali diskussjonijiet mal-Oppożizzjoni wara li jinħatar il-kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista.
Fi stqarrija, il-Gvern qal li hu daħħal liġi dwar l-istandards għall-ħajja pubblika u għaldaqstant, wara li jsir il-proċess ta’ għażla fil-Partit Nazzjonalista, il-Gvern se jara li jkun hemm qbil mal-Oppożizzjoni biex jinħatar il-Kummissarju għall-Istandards.
Temm jgħid li l-Gvern huwa kommess u se jibqa’ miftuħ għal diskussjonijiet li jistgħu jwasslu għal aktar riformi fil-Parlament bħalma huwa l-iskrutinju taċ-chairpersons tal-awtoritajiet regolatorji li diġà jinsab fl-ewwel qari.