7 produzzjonijiet għal Netflix mill-koppja Obama

Ritratt: Pete Souza

L-eks President Amerikan Barack Obama u martu Michelle se jkunu qed iwasslu seba’ produzzjonijiet ġodda fuq Netflix fiż-żmien li ġej.

Il-koppja għandhom il-kumpanija Higher Ground u permezz ta’ ftehim li laħqu ma’ Netflix se jkunu qed iwasslu films u sensiliet ta’ dokumentarji fis-snin li ġejjin.

American Factory huwa l-isem ta’ dokumentarju li se jinħareġ f’teatri magħżula apposta fil-21 ta’ Awwissu u mbagħad fuq Netflix u huwa ambjentat f’Ohio fejn billjunarju Ċiniż fetaħ fabbrika f’impjant abbandunat.

Imbagħad se jkun hemm is-sensiela Bloom, li għaliha s’issa m’hemmx data uffiċjali meta se tkun qed tiddebutta fuq Netflix. Hija ambjentata fi żmien wara l-gwerra u titratta l-isfidi li ffaċċjaw in-nisa u persuni Suwed.  Din is-sensiela se jkollha kitba ta’ Callie Khouri li ħadet fuq produzzjonijiet bħal Nashville u Thelma and Louise u qed taħdem ukoll fuq il-film biografiku dwar Aretha Franklin.

Fost il-films li nistennew hemm l-addattament tal-ktieb Frederick Douglass: Prophet of Freedom ta’ David W. Blight, rebbieħ tal-Premju Pulitzer.

Fifth Risk hija sensiela bbażata fuq il-ktieb ta’ Michael Lewis, The Fifth Risk: Undoing Democracy, li jitratta l-ħidma kontinwa ta’ bosta eroj f’diversi sitwazzjonijiet ta’ kuljum, u li bosta drabi ma jiġux rappurtati, jew ma jingħatawx l-importanza li jkun jixraqilhom.

Ma’ dawn li semmejna tħabbar ukol il-film dokumentarju Crip Camp li se jeħodna lura fis-Snin 70 meta kien twaqqaf kamp tas-sajf apposta għal tfal b’diżabbilità u li kien wassal biex jgħin mhux biss lil dak li attendew iżda biex tibda l-ġlieda biex persuni b’diżabbilità jkollhom id-drittijiet u d-dinjità tagħhom.

Overlooked hija produzzjoni interessanti u li titratta l-avviżi tal-mejtin li jidhru fil-ġurnal New York Times. Fiha se jiffukkaw fuq stejjer ta’ persuni li kellhom xi storja partikolari, iżda li għal xi raġuni ma’ ġewx rappurtati bi prominenza minn dan il-ġurnal influwenti.

Listen to your Parents and Eat Your Food huwa l-isem ta’ programm ieħor li tħabbar u li se jkun immirat lejn tfal ċkejknin u li se jkun qed iwassal l-istorja tal-ikel f’diversi pajjiżi madwar id-dinja.