7 passiġġieri Maltin jitolbu l-għajnuna wara li tħassritilhom titjira tar-Ryanair

Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qal li s’issa kien hemm żewġ titjiriet li tħassru mir-Ryanair u li kienu jinvolvu lil Malta. Spjega li dawn kienu t-titjiriet bejn Malta u Pisa u viċi-versa li kellhom isiru fl-10 ta’ Settembru li għadda.
Għal mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Chris Said, il-Ministru Bonnici qal li kien hemm tliet talbiet għall-għajnuna li tressqu quddiem l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur. Dawn kien jkopru seba’ passiġġieri Maltin.
Sostna li l-awtorità mxiet mar-regoli komuni tal-Unjoni Ewropea dwar il-kumpens li jingħata lill-passiġġieri f’każ ta’ dewmien jew tħassir ta’ titjira.
Il-Ministru għall-Ġustizzja qal li l-Awtorità tal-Konsumatur qed taġġorna l-paġna tagħha fuq Facebook b’informazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġiera kif ukoll il-listi ppublikati minn Ryanair dwar titjiriet li jkunu se jitħassru.
Fl-istess ħin, il-Ministru Bonnici qal li l-Awtorità qed issegwi wkoll l-aħħar żviluppi b’rabta mat-titjiriet tar-Ryanair kif qed jiżvolġu f’pajjiżi oħra Ewropej li ntlaqtu mill-istess problema.