7 mistoqsijiet mill-PD għall-Ministru tal-Affarijiet Barranin

Il-Partit Demokratiku (PD) qal li Malta għandha bżonn tiżgura li l-politika barranija tkopri l-interessi tal-Maltin minn kull aspett inkluż il-politika fiskali. Fi stqarrija, il-PD staqsa lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin Carmelo Abela, mistoqsijiet relatati mal-politika barranija.

Il-PD qed jistaqsi dwar x’qed isir biex jittaffa d-deterjorament tal-istatus ta’ Malta bħala dominju ta’ reputazzjoni tajba fid-dawl tal-investigazzjonijiet li għaddejjin. Staqsa wkoll jekk il-Ministru tal-Affarijiet Barranin hux qed jaħdem mal-Ministeri tal-Finanzi u l-Intern biex jikkoperaw ma’ pajjiżi fejn ġew żvelati li qed issir kriminalità organizzata, ħasil ta’ flus u kuntrabandu tat-tonn.

Staqsa dwar kemm mill-Ambaxxaturi u Chargè d’Affaires għandhom kwalifiki fl-istudji diplomatiċi u kemm minnhom qed jingħataw taħriġ. Qed jistaqsu wkoll x’miżuri ta’ kontinġenza qed jittieħdu f’każ li Maltin li jgħixu l-Ingilterra jkunu affettwati mill-Brexit.

Skont il-PD biex Malta tkun effettiva u tkun żgurata li r-reputazzjoni tiġi mħarsa, Malta għandha bżonn korp diplomatiku magħmul minn professjonisti li għandhom esperjenza u għarfien f’setturi differenti globali.