Il-Kottonera bl-ilma mill-ġdid

Il-provvista tal-ilma fil-Kottonera għandha terġa’ taħdem, wara li nqatgħetilha l-pressa tal-ilma lbieraħ għall-ħabta tas-6pm.

Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qalet fi stqarrija li l-problema dehret li kienet ġejja minn main ta’ 9 pulzieri fl-inħawi tal-Verdala f’Bormla, li kellu xi ħsara u kellha tinbidel parti minnu. Saret ukoll manutenzjoni viċin il-mina ta’ Hompesch f’Ħaż-Żabbar.

Il-Korporazzjoni skużat ruħha għal kull inkonvenjent.

Kelliem għall-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) informa lil Newsbook.com.mt li l-ilma nfetaħ tul il-lejl, iżda reġa’ ngħalaq fil-5am sabiex ikomplu x-xogħlijiet.

Fi stqarrija, il-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma qalet li l-ħsara ġiet identifikata fl-inħawi ta’ Daħlet San Klement fl-4am.

Il-lokalitajiet affettwati huma l-Kottonera, il-Fgura, Ħaż-Żabbar, ix-Xgħajra, u ż-żona tal-Bidni f’Wied il-Għajn.

Il-problema ġiet rappurtata lbieraħ għall-ħabta tas-6pm.