7 ħaddiema tal-gaming sfurzati jitilqu minn Malta għall-Georgia

7 ħaddiema tal-gaming intalbu mill-kumpanija fejn jaħdmu sabiex jitilqu minn Malta u jmorru jaħdmu fil-Georgia, hekk kif is-servizz tagħhom mhux se jibqa’ ta’ bżonn fil-pajjiż.

Fi protest ġudizzjarju miftuħ kontra l-kumpanija Maltija Evolution Malta Limited, il-ħaddiema Torok spjegaw li mhux talli qed jintalbu jitilqu minn Malta, imma talli jekk jaċċettaw li jittrasferixxu l-pajjiż, il-paga se tonqsilhom drastikament. Sostnew li l-kumpanija qaltilhom li jew jieħdu dan il-ftehim inkella jibdew ifittxu xogħol ġdid.

Il-ħaddiema spjegaw li l-mod kif qed jiġu trattati huwa abbużiv u illegali u se jħallihom b’tibdil drastiku fl-għajxien tagħhom. Insistew li jekk dan l-atteġjament abbużiv mill-kumpanija jibqa’ għaddej se jżommu lill-kumpanija responsabbli għad-dannu.

Din il-kumpanija hija l-istess waħda li fiha kienet taħdem il-mara Netherlandiża, Shannon Mak, li nstabet b’għonqha mħanxar f’Santa Venera fil-bidu ta’ dan ix-xahar.