​7 films miġbuda f’Malta jħallu iktar minn €4 miljun f’sena

Seba’ films li nġibdu f’Malta fl-2013 ħallew €4.4 miljun fl-ekonomija tal-pajjiż.
Dan joħroġ minn tweġiba li ta l-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis fil-Parlament għal Mistoqsija Parlamentari tad-deputat Laburista Anthony Agius Decelis.
Il-lista awditjata li tqiegħdet fuq il-Mejda tal-Kamra turi li s-seba’ produzzjonijiet jinkludu produzzjoni Maltija, żewġ produzzjonijiet oħra bejn entità Maltija u oħra Russa, u produzzjoni oħra bejn Malta u l-Kanada. Il-bqija saru minn produtturi Daniżi, mir-Renju Unit, u dar tal-produzzjoni Ġermaniża.
Il-film li ħalla l-iktar flus fil-pajjiż fl-2013 kien il-feature film Malti-Russu bl-isem Divers. L-investiment tiegħu f’Malta tul ix-xahar li fih inġibed, bejn l-aħħar ta’ Settembru u l-aħħar t’Ottubru, kien ta’ ftit iktar minn miljun ewro.
Fit-tieni post kien hemm id-docudrama Ingliża tal-BBC The Whale (ritratt), li bejn April u Mejju tal-2013 ħalliet iktar minn €1.2 miljun fl-ekonomija Maltija.
Il-film Daniż The Holiday ħalla kważi €850,000 fil-ħames ġimgħat li għamel jinġibed f’Malta, bejn Awwissu u Settembru 2013, waqt li warajh, kien hemm il-film Malti-Kanadiż għat-televiżjoni, bl-isem The Story of Paul,  li bejn Novembru u Diċembru tal-2013 ħalla €630,000 oħra.
Il-film Ġermaniż The Cut ħalla iktar minn €300,000 meta nġibed f’Lulju tal-2013, waqt li l-film Malti-Russu għat-televiżjoni, bl-isem Classmates, ħalla €225,000 bejn Settembru u Ottubru tal-2013.
Id-dokumentarju Malti, Maltese Treasures, ħalla iktar minn €100,000 oħra fl-ekonomija tal-pajjiż waqt li kien qed jinġibed tul Mejju tal-2013.