B’kollox ġew arrestati 7 persuni b’konnessjoni mal-attakk li sar barra dawk li kienu uffiċini tal-magazin satiriku Charlie Hebdo f’Pariġi.
Is-suspettat ewlieni kien identifikat bħala żagħżugħ ta’ 18-il sena mill-Pakistan li ġie arrestat fuq il-post tal-inċident.
Il-Pulizija qalet li s-sitta l-oħra qed jinżammu taħt il-kustodja tagħha għal aktar stħarriġ.
L-attakk qed jitqies bħala attakk terroristiku.
Iż-żewġ persuni li ndarbu fl-attakk tal-bieraħ, minkejja li ġarrbu ġrieħi gravi, mhumiex fil-periklu tal-mewt.
Iktar kmieni dan ix-xahar, tħabbar li l-kompliċi tal-qattiel ta’ 17-il persuna fl-attakki li seħħew ħames snin ilu fuq il-magazin Charlie Hebdo u f’supermarket Lhudi fi Franza mistennija jgħaddu ġuri.
14-il akkużat, li tlieta minnhom se jgħaddu ġuri in absentia għaliex jista’ jkun li mietu, qed jiffaċċjaw akkużi fosthom l-iffinanzjar ta’ terroriżmu, sħubija f’organizzazzjoni terroristika u t-tqassim ta’ armi lill-qattiela Said u Cherif Kouachi u Amedy Coulibaly.