7 ambulanzi minn 11 bil-ħsara; uħud mingħajr AC

Fl-eqqel tas-sħana tas-sajf, l-inqas li tistenna, li meta jkollok bżonn ambulanza din tkun bil-ħsara. Aktar u aktar meta l-ħsara tkun fl-apparat tal-arja kkundizzjonata.
Sorsi infurmati qalu ma' Newsbook.com.mt, li erba’ ambulanzi li jagħtu s-servizz fiċ-Ċentri tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid u l-Mosta, qed ikunu ta’ detriment lejn il-pazjenti u lejn il-ħaddiema taċ-Ċentri tas-Saħħa, minħabba li s-sistema tal-arja kkundizzjonata ma taħdimx jew mhux adattata għat-temperaturi Maltin. Semmew ukoll kif l-ambulanzi jkunu esposti għax-xemx tul il-ġurnata kollha u faċli timmaġina x’temperatura titla’ fihom.
L-ambulanzi bin-numru ta’ reġistrazzjoni GVH096, GVH097, u GVH098 m'għandhomx sistema tal-arja kkundizzjonata ‘tropical’ u b’hekk mhumiex adattati għat-temperaturi sħan ħafna.
Il-President tal-MUMN, Maria Cutajar, kitbet lill-Kap Eżekuttiv tal-Kura Primarja, Dr Renzo Degabriele, fejn infurmatu li ħarġet direttiva lill-membri tagħha biex ma jagħmlux użu minn dawn l-ambulanzi. Hija qalet li, minbarra t-tliet ambulanzi msemmija, hemm oħra bin-numru GVH275 li għandha l-arja kkundizzjonata wieqfa għalkollox.
Cutajar sostniet li din id-direttiva se tibqa’ fis-seħħ sakemm tissewwa s-sistemi tal-arja kkundizzjonata ta’ dawn l-ambulanzi.
Intant Newsbook.com.mt huwa infurmat li din id-direttiva llum infirxet anke fuq id-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei u għalhekk is-servizz tal-ambulanzi qed jitħaddem b’erba’ vetturi biss minn ħdax. L-istess sorsi qalu li aktarx se jkun hemm bżonn li jissejħu l-ambulanzi tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi bħas-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar.
Fil-jiem li għaddew Newsbook.com.mt talab ir-reazzjoni tal-Ministeru tas-Saħħa.
Ritratt: Ambulanza GVH098 quddiem iċ-Ċentru tas-Saħħa ta' Raħal Ġdid