​7 akkużati b’tixrid tal-pornografija tat-tfal, wieħed ta’ trabi tat-twelid

Sebat irġiel ġew akkużati bil-pussess u t-tixrid tal-pornografija tat-tfal fil-Qorti llum.
Il-Pulizija Maltija qalet li ngħatat għajnuna mill-Interpol fl-investigazzjonijiet tagħha. L-Interpol hija organizzazzjoni internazzjonali li tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn il-Pulizija.
L-impjegat tal-bank
Raġel ta’ 45 sena li jaħdem il-bank allegatament kellu kollezzjoni tal-pornografija tat-tfal. Hu wieġeb li ma kienx ħati.
L-istudent
Fil-Qorti nstema’ wkoll kif student li għandu 20 sena allegatament jiddependi fuq il-pornografija, kemm tal-adulti kif ukoll dik tat-tfal.
Il-kok
Raġel ta’ 31 sena li jaħdem bħala kok nstab ukoll li kien fil-pussess tal-kannabis mill-Pulizija li marru jarrestawh minħabba l-akkużi b’rabta mal-pornografija tat-tfal.
L-aromaterapista
Raġel ta’ 33 sena mill-Filippini li jaħdem bħala aromaterapista u healer ġie akkużat b’pussess u tixrid ta’ filmat li juri attività sesswali li kienet qed issir mat-trabi tat-twelid. Il-prosekuzzjoni rrimarkat li l-persuna li ġibdet dan il-filmat fil-Filippini ngħatat sentenza tal-mewt.
Il-bajjad
Bajjad Sirjan ta’ 37 sena qed jiġi akkużat li kellu filmat fuq il-mowbajl tiegħu b’rabta mal-pornografija tat-tfal.
Dawn il-ħamsa ma ngħatawx il-ħelsien mill-arrest.
Żewġ żgħażagħ li għandhom 20 u 21 sena ġew akkużati b’tixrid ta’ pornografija ta’ tfajla taħt l-età. Intqal li qal dan allegatament seħħ meta huma wkoll kienu taħt l-età, madwar tliet snin ilu. Huma ngħataw sentenza ta’ 18-il xahar ħabs kull wieħed sospiżi għal 4 snin.
Il-Qorti qalet li t-tixrid tal-pornografija ġieli wassal biex il-vittmi jikkommettu suwiċidju.