7 akkużati b’reati relatati ma’ prostituzzjoni

Sitt nisa u raġel ġew akkużati b’reati relatati ma’ prostituzzjoni. Dan wara li l-pulizija għamlu ronda fl-istabbilimenti Ċiniżi tal-massaġġi madwar Malta. Il-Maġistrat semgħet lill-Viċi Spettur tal-Iskwadra kif il-pulizija investigat xi ilmenti li rċiviet minn xi residenti Mostin. L-ilmenti saru dwar wieħed minn dawn l-stabbiliment. Ir-residenti qalu li dan jista’ jkun qed iservi bħala burdell.

L-investigazzjoni li wara spiċċat espandiet biex kopriet stabbilimenti oħra fil-Fgura, Birkirkara u Raħal Ġdid, wasslet għall-arrest ta’ ħames nisa u koppja. In-nisa huma maħsuba li jaħdmu bħala prostituti u huma mqabbda mill-koppja.

Fl-awla nġiebu l-filmati tas-CCTV tal-ħwienet stess, xi kontraċettivi u kaxex li fihom kellhom fliexken taż-żejt tat-trabi. Dawn instabu ġewwa l-ħanut “Belle Massage”.

L-ewwel ma tressqu quddiem il-Qorti kienu l-koppja. Ir-raġel għandu 65 sena u jgħix Ħaż-Żabbar u martu għandha 47 sena u hi Ċiniża. L-Ispettur qal li l-koppja amministrat l-erba’ stabbilimenti tal-massaġġi u fuq il-mowbajl tar-raġel kien hemm filmati tas-CCTV tad-dħul tal-istabbilimenti fejn kien qed isir il-burdell. Mill-filmat il-klijenti jistgħu jiġu identifikati. L-akkużat qal li l-kameras ġew installati biex inaqqas iċ-ċans li jsiru attivitajiet illegali. Hu qal ukoll li permezz tagħhom seta’ jkun jaf x’inhu jiġri.

Il-permess biex jinqered l-apparat kif ukoll il-filmati li kien fih ġie aċċettat, iżda dan sar wara li l-Qorti rat il-filmati.

L-Ispettur qal li n-nisa setgħu jidhru mit-triq jagħmlu mossi u jħeġġu lil min ikun għaddej biex jidħol fl-istabbiliment. Dan kien jibda madwar il-5:00am. Il-koppja ġew mixlija li kienu qed jgħixu mill-qligħ li kienu qed jagħmlu mill-prostituzzjoni, li mexxew burdell u li ħalla l-bini tiegħu biex jintuża bħala burdell.

Il-Qorti qalet li l-koppja kienet ikkoperat mal-pulizija. Il-prosekuzzjoni kkonfermat li ż-żewġ akkużati kellhom rekord nadif u li kienu delinkenti għall-ewwel darba. Fid-dawl ta’ dan il-Maġistrat tagħthom sentenza ta’ sentejn ħabs, sospiżi għal erba’ snin u multa ta’ €450 kull wieħed.

Warajhom issejħu fl-awla l-ħames nisa Ċiniżi li l-etajiet tagħhom jvarjaw bejn it-33 sena u t-42 sena. L-Ispettur qal li n-nisa ġew arrestati minn numru ta’ stabbilimenti. Huma kienu ġew Malta b’mod legali u ġew akkużati li pparteċipaw fit-tmexxija ta’ burdell u tlajjaw għall-fini ta’ prostituzzjoni.

Meta ġew mistoqsija permezz ta’ interpretu x’kienu se jwieġbu għal dan, huma kollha wieġbu li ma kinux ħatja. Id-difiża ma talbitx il-ħelsien mill-arrest u b’hekk in-nisa nżammu taħt kustodja.