68% tal-Maltin iqisu s-sħubija fl-Unjoni Ewropea bħala pass għaqli

Ewrobarometru dwar il-Parlament Ewropew juri li l-Maltin huma l-iżjed pożittivi lejn l-Unjoni Ewropea u l-Istituzzjonijiet Ewropej.
Mill-istħarriġ jirriżulta li 81% tal-Maltin isostnu li għandhom biżżejjed għarfien biex jagħżlu l-Ewroparlamentari li jirrappreżentawhom fil-Parlament Ewropew.
Dan juri li l-informazzjoni li ngħatat qabel l-elezzjoni u l-kampanji elettorali tal-partiti politiċi laħqu l-għan tagħhom.
Il-Maltin huma l-iktar li għandhom fiduċja fl-Istituzzjonijiet Ewropej b’69% u din tissarraf f’żieda ta’ 4% meta mqabbel mar-riżultati tal-istess stħarriġ li sar fl-2009.
63% tal-Maltin jemmnu wkoll li l-Parlament Ewropew jikkunsidra u jilqa’ t-tħassib u dak li jikkonċerna liċ-ċittadini Ewropej.
68% tal-Maltin iqisu s-sħubija fl-Unjoni Ewropea bħala pass għaqli filwaqt li 84% iħossuhom Ewropej.
Dan meta huma 51% l-medja taċ-ċittadini Ewropej li jaħsbu li s-sħubija fl-Unjoni Ewropea hija tajba.