68% tal-istudenti ispirati mill-għalliema

Skont statistika li ħarġet mir-rapport PISA għall-2018, 68% tal-istudenti huma ispirati mill-għalliema tagħhom. Il-maġġoranza tal-istudenti Maltin qalu li l-għalliema tagħhom huma entużjasti u jieħdu pjaċir waqt il-lezzjonijiet.

Kważi 80% tal-istudenti qablu li l-għalliema huma entużjasti li jgħallmu l-istudenti, 83.3% tal-istudenti qalu jogħġobhom li s-suġġett tal-lezzjoni. 77.8% tal-istudenti qalu li l-għalliema jieħdu pjaċir jgħallmu s-suġġett.

Ir-rapport juri li hemm xejriet pożittivi f’numru ta’ setturi fl-ambjent soċjo-ekonomiku tal-istudenti u dan iwassal għal sistema edukattiva aktar komprensiva. Dan l-istudju juri wkoll li n-nuqqas ta’ għalliema f’Malta huwa inqas meta kkumparat ma’ pajjiżi oħra.

Il-maġġoranza tal-istudenti qalu li l-għalliema kienu ta’ għajnuna għalihom u wrew l-interess f’kull student li kellhom. Il-maġġoranza tal-għalliema għenu lill-istudenti meta kellhom bżonn aktar għajnuna, l-istudenti qablu wkoll li l-għalliema jibqgħu jispjegawlhom sakemm jifhmu.

Ir-rapport juri li kien hemm żvilupp pożittiv fil-medja tal-qari fl-iskejjel tal-Istat. Fl-2009 il-medja tal-qari kienet 408 filwaqt li fl-2018 kienet ta’ 419. Fl-2009 il-medja tax-xjenza kienet ta’ 425 u fl-2018 kienet ta’ 428. Fl-iskejjel tal-Istat il-medja tal-Matematika kienet 430, fl-2018 żiedet għall-443.